HOUSING B’SERĦAN IL-MOĦĦ - JITĦADDEM KUNĊETT ĠDID F’BINJA TA’ TMIEN APPARTAMENTI ĠODDA FIL-BELT VALLETTA
Erba’ familji u erba’ anzjani fosthom koppja, se jżanżnu appartamenti tal-Gvern ġodda li jinsabu f’Binja Mattia Preti fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta. F’din il-binja, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tħaddem proġett pilota ta’ mixed-community living b’familji u b’ġenerazzjonijiet differenti jgħixu flimkien sabiex jipprovdu appoġġ u wens lil xulxin.
Il-binja u l-appartamenti kienu inawgurati waqt ċerimonja qasira u konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, miċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Saviour Paul Gauci u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ.
F’Binja Mattia Preti hemm tmien appartamenti li se jinqasmu ugwalment bejn familji u anzjani. Fil-fatt erba’ mill-appartamenti fihom kamra tas-sodda waħda; żewġ appartamenti fihom tlitt ikmamar tas-sodda, filwaqt li żewġ appartamenti oħra fihom żewġt ikmamar tas-sodda. L-appartamenti tlestew minn kollox inkluż bit-tqegħid tal-madum, is-servizzi u l-kmamar tal-banju. Fil-każ tal-appartamenti li fihom se jidħlu l-anzjani, tlestew ukoll il-kċejjen. Fadal isiru xogħlijiet fuq il-lift fil-komun li mistenni jkun lest sa tmiem Lulju li ġej.
Il-Ministru Chris Said qal li jixraq li l-kunċett ta’ mixed-community living jibda jitħaddem fis-Sena Ewropea dwar l-Anzjanità Attivà u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Hu qal li l-Gvern qed jinvesti f’aktar servizzi għall-anzjani biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar attiva f’darhom u fil-komunità tagħhom stess. Il-Gvern daħħal u qed iżid is-servizzi fil-komunità biex kemm jista’ jkun l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom. Fost dawn is-servizzi jingħataw il-homehelp, meals on wheels, telecare, commcare u s-servizz tal-handyman. Il-Gvern fetaħ l-ewwel żewġ night shelters fiż-Żejtun u fil-Mellieħa, u f’qasir żmien se jiftaħ ieħor f’San Vinċenz de Paul. Fetaħ ukoll tliet day centres oħra għall-anzjani biex illum għandna 19-il day centre. Aktar minn 1,500 anzjan u anzjana jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ dawn id-day centres.
Il-Ministru Chris Said qal li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern addotta politika li permezz tagħha qed jinċentiva l-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani tagħna fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Dan qed jagħmlu għaliex jemmen li l-anzjani għandhom rwol u sehem importanti ħafna fit-tkattir tal-ġid f’pajjiżna. Il-Gvern ħa diversi inizjattivi sabiex aktar anzjani jitħajru jibqgħu attivi u jibqgħu jikkontribwixxu lis-soċjetà. Illum 13,148 anzjan qed jaħdmu mingħajr m’huma qed jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom. Mijiet oħra qed jagħtu kontribut billi jinvolvu rwieħhom f’għaqdiet, f’soċjetajiet, fil-Kunsilli Lokali u f’bordijiet pubbliċi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ tkellem dwar il-kunċett ta’ mixed community living. Hu qal li fl-appartamenti fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta kull familja se tkun abbinata ma’ anzjan jew anzjana li se jkunu mħeġġa jieħdu ħsieb xulxin fl-affarijiet ta’ rutina ta’ kuljum “Jekk dan il-proġett pilota jkun suċċess, bil-familji jagħtu daqqa t’għajn lill-anzjani matul il-ġurnata sabiex jassiguraw li ma jkun jonqoshom xejn, lesti li nifirxuh f’binijiet tal-Gvern oħra.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017