Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI

pr1443
Date Icon 27/06/2012

Il-Ftuħ uffiċjali ta’ Triq Kunsill ta’ l-Ewropa u Triq Garibaldi f’Ħal Luqa

Il-Ministru Austin Gatt responsabbli mill-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni dalgħodu fetaħ uffiċjalment żewġ toroq ġodda, kruċjali għall-infrastruttura ta’ pajjiżna – Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa f’Ħal Luqa u Triq Garibaldi fil-Marsa.

Proġett li baqa’ on budget and on time. Il-proġett kien stimat li jieħu sena biex isir pero’ minħabba x-xita kontinwa li għamlet fix-Xitwa li għaddiet, Transport Malta kellha tikkonċedi l-ġimgħat mitlufa lill-kuntrattur.

Proġett li sewa kważi għaxar miljuni u nofs ewro (€10,500,000).  85%  ta’ dan l-investiment tħallsu minn Fondi Ewropej u l-Gvern Ċentrali ħallas il-kumplament.

Dawn iż-żewġ toroq ilhom miftuħa għat-traffiku aktar minn xahar, waqt li kienu qed isiru l-aħħar irqaqat u l-landscaping tal-proġett.

Ix-xogħol li sar f’Ħal Luqa mhux biss ipaxxi  l-għajn iżda aktar importanti hu l-binja mill-qiegħ li qed isir fit-toroq tagħna u s-sigurta’ li joffru, kemm fid-disinn u anke fil-materjali li jintużaw.

Dan il-proġett jifforma parti mill-Proġett sħiħ fuq dik li tissejjaħ it-TEN-T Network liema proġett jinkludi xogħlijiet fuq Xatt l-Għassara tal-Għeneb il-Marsa, Triq il-Marfa, Ċirkewwa;, Triq l-Imġarr – mix-Xewkija sal-Victorja Għawdex, il-Bypass ta’ Pennellu fil-Mellieħa u l-Underpass fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa.

Il-Proġetti tat-TEN-T network jiswew mas-60 miljun ewro li minnhom l-Unjoni Ewropeja qed tħallas 85% tal-ispiza eliġibli, bil-Gvern Malti jħallas il-bqija tal-ispiża. Kull proġett jgħaddi minn skrutinju indipendenti ta’ testjiiet u huwa biss meta TM tirċievi performance results ta’ kwalita’ li toħroġ il-complianace certificate. Fil-każ fejn ikun hemm partijiet minn toroq mhux ċertifikati l-kuntrattur ikun imġiegħel jaqla’ x-xogħol jew jitnaqqaslu l-ħlas mis-somma dovuta lilu.

Rendikont ta’ fejn wasal kull proġett:

Xatt l-Għassara ta’ l-Għeneb

Nibda billi nsemmi t-Triq ta’ Xatt l-Għassara ta’ l-Għeneb. Hemm hekk il-proġett ilu lest u jintuża minn l-aħħar ta’ Mejju.

Din it-triq giet tiswa kważi seba’ miljun ewro u nofs (€7.5m)

Triq il-Marfa, l-Mellieħa

Bħalissa qed issir il-parti tat-triq quddiem il-Paradise Bay Hotel u l-parti ta’ fuq fejn in-nicca quddiem id-daħla ghall-Armier. Dawn mistennija jitlestew qabel jibda l-ivjaġġar tas-sajf lejn Għawdex.

Tajjeb li wieħed jgħid li f’din iż-żona d-diversion route ħadmet tajjeb ħafna u t-traffiku dejjem kien mexxej. Kemm lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa kif ukoll in-naħa tal-lukanda Riviera.

Ix-xogħol hawnhekk waqa’ ftit lura minħabba l-maltemp li kellna. Filfatt hu mistenni li l-proġett kollu jitlesta f’Settembru li ġej.

It-triq ġejja tiswa madwar € ħdax-il miljun ewro (€11m).

Triq l-Imġarr, mix-Xewkija sar-Rabat, Għawdex

Fl-4 ta’ Lulju x-xogħlijiet fir-Rabat se jkunu lesti u t-triq tkun tista’ tinfetaħ għat-traffiku.

Hawnhekk sibna ħafna u ħafna problemi. Kien hemm il-kwistjoni tas-sistemi ta’ l-ilma, d-dawl u tat-telefon. Jidher li f’Għawdex is-sistemi kienu antiki ħafna u qatt ma nbidlu għalhekk ix-xogħol ħa ħafna aktar żmien biex isir bi sħab mal-kumpaniji li joffru s-servizzi.

Barra minn hekk meta bdiet tinqala’ t-triq ewlenija fir-Rabat bdejna nsibu fdalijiet arkeoloġiċi importanti bħalma huma pedamenti ta’ djar antiki, bjar u anke ġibjun ta’ l-ilma antik. F’kull każ kellna nistennew is-Superintendenza tal-Wirt Kulturali tagħmel l-istudji tagħha u tigwida lill-kuntrattur kif għandu jippreserva dak li nstab.

Dawn is-sejbiet storici u l-maltemp waslu għal talba mill-kuntrattur biex il-perjodu li fih jitlesta x-xogħol jitwal bi tliet xhur. B’hekk qed nistennew li fl-ewwel nofs t’Awwissu niftħu din it-triq ukoll.

Dan l-investiment infrastrutturali f’Għawdex huwa ta’ tnax-il miljun ewro (€12m)

Il-Bypass ta’ Penellu fil-Mellieħa

Ix-xogħol fuq il-bypass ta’ Pennellu għaddej kif ippjanat madanakollu x-xogħol ma jistax isir matul il-lejl kif ippjanat minħabba ilmenti tar-residenti u wara talba tal-lukandi li hemm fl-inħawi.

Fil-fatt il-kuntrattur ġie mitlub biex matul ix-xhur tas-Sajf ma jibdiex jaħdem qabel id-9 ta’ filghodu.

Dan il-proġett jiswa għaxar miljun ewro oħra (€10m)

L-Underpass fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa

Hawnhekk ukoll sfortunatament instabu fdalijiet arkeoloġiċi li sal-lum għadhom qed ikunu investigati mis-Superintendenza tal-Wirt Kultural.

Bħalissa fil-fatt qiegħed isir xogħol ta’ esplorazzjoni fuq in-naħa l-oħra, propju taħt il-Yellow Pages. Il-qofol tax-xogħol fuq din it-triq arterjali se jkun qed isir bejn Lulju u Settembru, meta se tingħalaq kerreġġjata minnhom. Ix-xogħol se jsir f’dawn ix-xahrejn minħabba li t-traffiku jonqos drastikament u b’hekk nevitaw konġestjonijiet bla bżonn.

Dan il-proġett qiegħed isir bi spiża ta’ għaxar miljun ewro u nofs (€10.5m)

Il-Proġetti tat-TEN-T ix-xogħlijiet jikkonsistu

• F’xogħlijiet ta’ asfaltar fuq it-toroq ta’ devjazzjoni;

•  kostruzzjoni mill- ġdid tat-triq mil-pedimenti;

• Twessiegħ u irranġar tal-‘alignment’ tat-triq bħal kas ta’ Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa

•  It-tqegħid ta’ servzzi ġodda u installazzjoni ta’ diversi  ‘service culverts’;

• Il-bini ta’ gibjuni għall-ilma tax-xita u installar ta’ sistemi ta’ gbir ghall istess ilma;

• L-installazzjoni ta’ dawl LED li biex jiżdied l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija, sinjali tat-traffiku u żebgħa tat-toroq, sinjali ta’ direzzjoni u, crash barriers ;

• Kostruzzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ u hitan ta’l-lqugh,

• Introduzzjoni ta’ thawwil ta’ pjanti, sigar u titjib simil iehor,

• Introduzzjoni ta’ faċilitajiet għal kull min qed jagħmel użu mit-triq – pedestrian crossings, bus stops, bankini u xi ‘cycle lanes’ bhal fil-kas tac-Cirkewwa

Minn meta dħalna fl-Unjoni Ewropeja sal-lum investejna madwar 80  miljun ewro fi proġetti ta’ toroq arterjali u disrtibutorji. Dan jinkludi biss il-progetti ta’ rikostruzzjoni u ma jinkludix ix-xogħlijiet extensivi ta’ patching fuq in-network u naturalment ma’ jinkludix xogħol fuq toroq residenzjali fil-lokalitjajiet. 

Mill-2008 sal-2013 qed nitkellmu dwar madwar 17 KM  ta’ toroq arterjali u distributorji li huma essenzjali għal pajjiżna.

Rigward it-toroq residenzjali mill-2008 sal-lum investjena mal-20M Ewro fuq 420 triq residenzjali.  S’Awwissu ta’ din is-sena se nkunu lestejna l-202 triq residenzjali (li bdew fi Frar tas-sena l-oħra) – jiġifieri t-toroq residenzjali kollha ħlief għal dawk bi problema ta’ espropriazzjoni u xi diffikultajiet oħra. F’Novembru li għadda fuq il-mejda tal-Kamra poġġejt lista oħra ta’ 50 triq li issa jissodisfaw il-kriterju ta’ 70% tal-bini fihom sar, u għalhekk se nibdew nagħmlu dawk ukoll biex jitlestew sa l-aħħar ta’ din is-sena. Dan barra t-300 triq li  qed isiru mill-Kunsilli Lokali flimkien mal-privat.

Matul din is-sena se nkunu għamilna wkoll b’madwar sitt miljun ewro f’patching fuq it-toroq tagħna (2011-2012), li fil-maġġoranza kienu link roads, toroq li suppost jaqgħu taħt r-responsabbilta’ tal-Kunsilli Lokali.

Qed isir ukoll il-pavimentar taċ-ċentru tal-Belt Valletta. L-investiment hemmhekk huwa ta’ €2.5miljun u x-xogħol għaddej b’ritmu tajjeb. Kollox jindika li sa Settembru li ġej dan il-proġett ikun wasal fi tmiemu.

Fil-proġetti kollha li għamilna u baqalna nagħmlu dejjem qed jiġi enfasizzat biex ix-xogħlijiet:

• jsiru on time u on budget bl-inaqs inkonvenjenza lill-pubbliku sakemm id-dewmien ma jkun iġġustifikat bħal fil-każi li semmejt hawn fuq.

• jsiru wara ko-ordinament ma’ dawk kollha nvoluti

• jsiru skond livelli ta’ kwalita’ nternazzjonali

Dawn il-proġetti kollha li saru tul dawn l-aħħar snin fissru mhux biss infrastruttura aħjar, u anqas inċidenti fatali, iżda fissru għixien għal mijiet ta’ familji Maltin u Għawdxin. Biss biss fuq it-toroq kellna 25 kuntrattur jaħdem li bejniethom iħaddmu madwar 1500 ruħ.

Ħafna mill-kuntratturi jistqarru li kieku l-Gvern ma ħoloqx il-proġeti ta’ toroq u dawk kapital, fl-aħħar erba’ snin kienu jispiċċaw ikeċċu l-ħaddiema.

Dan jagħmilna kburin bħala Gvern għax mhux biss se nħallu pajjiż ħafna aħjar milli sibnieh,  b’eżempju ċar huma t-toroq, iżda ħloqna x-xogħol għall-poplu tagħna biex ikollu għixien aħjar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow