IN-NEGOZJI GĦAWDXIN IKOMPLU JSAĦĦU L-EKONOMIJA BILLI JINVESTU FIS-SOD U JŻIEDU L-IMPJIEGI
Ħanut tal-café li nfetaħ fl-2002 fir-Rabat, Għawdex, kien iċ-ċavetta għas-suċċess ta’ tlett aħwa Għawdxin li flimkien ħadmu u emnnu fil-potenzjal tagħhom sabiex ikabbru l-operat tagħhom, permezz ta’ ftuħ ta’ aktar ħwienet.
Fi żjara li kien qed jagħmel lill-Kumpanija Jubilee Foods kmieni wara nofsinhar, l-Onor. Jason Azzopardi, Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni li dawn l-aħwa għandhom lejn is-settur tan-negozju tagħhom.
Il-kumpanija bdiet tikber maż-żmien sabiex eventwalment fetħet żewġ ħwienet oħra tal-café fil-Belt Valletta u fil-Gżira u sussegwentement ieħor fil-belt kapitali tal-Ungerija, Budapest.
Is-Sur Alex Scicluna, wieħed mid-Diretturi Maniġerjali ta’ Jubilee Foods qal li l-proġett tal-ħanut f’Budapest kien wieħed ambizzjuż iżda li rnexxa b’suċċess. Huwa qal ukoll li l-ħanut jitmexxa minn manager Għawdxi.
Is-Sur Scicluna spjega li l-kumpanija tant rat potenzjal li tista tikber aktar, illi fl-2010 investiet ’il fuq minn 600,000 Ewro sabiex tiftah Jubilee Foods u b’hekk tkun tista’ tiffoka aktar fuq il-bejgħ tal-prodotti tagħha f’diversi ħwienet, cafeterias u supermarkets f’Malta u Għawdex. Apparti dan kollu, Jubilee foods għandha żewġ ħwienet oħra fejn tbiegħ il-prodotti tagħha – wieħed f’Tal-Ibraġġ u ieħor f’supermarket lokali .
Il-Ministru Azzopardi sostna dwar l-importanza li aktar kumpaniji żgħar u medji jinvestu sabiex bħal din il-kumpanija, jkomplu jkabbru l-operat tagħhom. Dan, qal il-Ministru Azzopardi, jkun ifisser ekonomija aktar b’saħħitha u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi. Filfatt, il-kumpanija f’dawn l-aħħar snin żiedet l-impjegati tagħha biex illum dawn ilaħħqu s-sittin. Il-Ministru qal li din hija turija ċara li meta jikber l-investiment fil-kumpaniji, jiġu ġġenerati aktar impjiegi.
Il-Ministru Azzopardi ħeġġeġ lil aktar kumpaniji sabiex ikomplu jagħmlu użu tajjeb tal-iskemi imħaddma mill-Gvern fosthom il-Microinvest u l-Microcredit li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed isarrfu f’suċċessi kbar u qed iservu bħala għodda importanti sabiex wieħed isaħħah in-negozju tiegħu.
Il-Ministru Azzopardi laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-kumpanija bbenefikat ukoll mill-Fondi Regjonali tal-Unjoni Ewropea li l-ammont tagħhom ilahhaq it-30,000 Ewro. Dawn il-fondi kienu bazi tajba għad-diretturi sabiex b’hekk setgħu jkomplu jinvestu fi proġett ġdid, dak tal-Jubilee Foods.
Il-kumpanija bħalissa tinsab għaddejja f’taħditiet ma’ pajjiżi oħra fosthom l-Indja, iċ-Ċina u ma’ pajjizi oħra Ewropej, sabiex tikkunsidra l-possibilitaċ li tiftaħ xi ħwienet f’dawn il-pajjiżi.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Azzopardi faħħar l-impenn u l-bżulija ta’ dawn it-tlett aħwa li flimkien imexxu din il-kumpanija li tant qed tagħmel suċċess kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017