AKTAR GĦAJNUNA LILL-NGOS U KUNSILLI LOKALI BIEX IWETTQU PROĠETTI B’FONDI MILL-UE
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin aktar NGOs u Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ proġetti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea li permezz tagħhom itejbu l-kwalita` tal-ħajja tar-residenti tagħhom. Fl-erba’ snin li għaddew il-Gvern għen billi għadda aktar minn €2 miljun sabiex jgħin fit-twettiq ta’ 86 proġett ta’ NGOs u Kunsilli Lokali differenti. Għal dawn is-86 proġett inkisbu total ta’ €29.3 miljun mill-programmi ta’ fondi mill-UE.
Minbarra din l-għajnuna f’finanzjament dirett, il-Gvern permezz tal-MEUSAC joffri wkoll għajnuna teknika b’xejn lill-NGOs u lill-Kunsilli Lokali kollha. F’dawn l-aħħar erba’ snin il-MEUSAC għen Kunsilli Lokali, NGOs u entitajiet oħra biex inkisbu madwar €16.5 miljun għal 109 proġetti jew inizjattivi differenti. Il-MEUSAC għen biex inkisbu fondi Ewropej għal 29 proġett ta’ NGOs li qed isiru b’aktar minn €3.8 miljun.
Id-dettalji ngħataw mill-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienu ppreżentati r-riżultati tal-proġett ‘The CAP – Constructing a Resilient Future’ li kien jinvolvi l-iżvilupp ta’ sistema agrikola, organika u sostenibbli u t-tixrid ta’ informazzjoni dwarha. Il-proġett sar fil-limiti tal-Baħrija bi sħab bejn il-Permaculture Research Foundation, il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-MEUSAC. Il-finanzjament Ewropew inkiseb mid-DG Agriculture and Rural Development tal-UE u mill-Fondi ta’ Ko-Finanzjament tal-Gvern Malti.
Il-Permaculture hi tip ta’ biedja organika, żviluppata f’dawn l-aħħar 30 sena u llum tiġi pprattikata f’madwar 100 pajjiż differenti. Hi intiża biex il-bniedem jgħix f’armonija mal-ambjent ta’ madwaru. Is-sistema tal-permaculture hi applikabbli għal żoni rurali u urbani, klimi differenti, u għal reġjuni ta’ daqsijiet differenti.
Peppi Gauci mill-Permaculture Research Foundation u Sindku tar-Rabat Alexander Craus spjegaw li bħala parti mill-proġett ġew organizzati korsijiet u workshops biex iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni urbani, jiġu f’kuntatt dirett man-natura. Saru wkoll żjarat minn tfal tal-iskola u ngħata tagħlim dwar il-prinċipji u t-tħaddim ta’ eko-sistemi. Barra minn hekk, rappreżentanti tal-Fondazzjoni ħadu sehem f’diversi attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali biex ixerrdu aktar informazzjoni dwar il-biedja organika.
Il-Ministru Chris Said irrefera għall-proġett L-Ewropa fuq ir-Roti li qed jitmexxa bi sħab bejn il-MEUSAC u d-DOI. L-għan tal-Ewropa fuq ir-Roti hu li tiżdied il-kuxjenza fost il-Maltin u l-Għawdxin dwar il-proġetti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea u dwar l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Il-proġett jinvolvi tours organizzati, b’xejn, li jieħdu gruppi ta’ Maltin u Għawdxin fuq diversi proġetti li saru jew qed isiru bil-finanzjament Ewropew. Ir-rotot, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, ikopru proġetti differenti, mhux biss dawk li huma responsabbilta` tal-Gvern, iżda wkoll proġetti li qed jitmexxew minn NGOs, Kunsilli Lokali jew saħansitra mis-settur privat. Il-Ministru Said qal li grazzi għall-Ewropa fuq ir-Roti, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin diġa` żaru numru ta’ proġetti li kienu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb tkellem dwar l-impenn tal-MEUSAC li jkompli jwassal l-informazzjoni u joffri l-għajnuna teknika biex entitajiet Maltin ifasslu proġetti tajbin u jakkwistaw il-finanzjament Ewropew biex jimplimentawhom. Hu appella lil aktar Kunsilli Lokali u NGOs biex ifittixu l-għajnuna u biex jikkollaboraw aktar bejniethom sabiex iressqu proġetti b’saħħithom u b’hekk jakkwistaw finanzjament Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017