BIDLIET FL-EŻAMIJIET TAL-MATSEC
Fil-jiem li għaddew, fuq proposta tal-Gvern, is-Senat tal-Università ta’ Malta approva bidliet għas-sistema preżenti tal-eżamijiet tal-Matrikola. Issa l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jiksbu l-Matriculation Certificate fuq medda ta’ ħames snin, minflok f’sena waħda skont ir-regoli attwali. B’din il-miżura, il-Gvern qed jaċċerta li tinżamm l-istess livell ta’ kwalità fit-tagħlim, iżda qed joffri opportunitajiet akbar ta’ suċċess kemm lill-istudenti tas-Sixth Form, kif ukoll liż-żgħażagħ u l-adulti li jixtiequ jerġgħu lura għall-edukazzjoni. Din il-bidla ser tiġi fis-seħħ mis-sessjoni li jmiss tal-MATSEC f’Settembru li ġej.
Barra minn hekk, fuq proposta tal-Gvern, sl-Senat approva wkoll li mas-suġġetti fil-livelli tas-Secondary Education Certificate u tal-Matriculation Certificate, b’ħidma sħiħa mal-istituzzjonijiet ta’ tagħlim vokazzjonali, jinkludu wkoll suġġetti vokazzjonali. Għalhekk fis-snin li ġejjin, dawn is-suġġetti jibdew ikunu fost l-għażla ta’ suġġetti li l-istudenti jistgħu jieħdu meta jersqu għal dawn l-eżamijiet.
Din il-bidla fis-sistema tal-eżamijiet f’Malta se ssegwi bidla oħra fis-sistema tal-eżamijiet tal-Matriculation Certificate. Din il-bidla għandha importanza kbira għaż-żgħażagħ u għall-adulti u se tgħinhom jirnexxu dejjem aktar fl-edukazzjoni tagħhom, u wkoll fl-aspirazzjonijiet tagħhom fuq livell personali u fid-dinja tax-xogħol.
Din il-bidla ilha tinħadem mill-2010, meta l-Ministru Dolores Cristina waqqfet grupp ta’ ħidma dwar il-MATSEC fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla. Fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-grupp ta’ ħidma, il-Gvern għamel numru ta’ proposti għat-titjib fl-amministrazzjoni tal-Matriculation Certificate.
L-istess bħal sistemi ta’ eżamijiet internazzjonali, dawn il-bidliet se jagħmlu l-eżamijiet tagħna aktar flessibbli u jnaqqsu l-pressjoni minn fuq l-istudenti, biex l-esperjenza tagħhom ta’ tagħlim ikollha aktar valur għalihom u l-kontribut tal-edukazzjoni għall-iżvilupp tagħhom ikun aktar sinjifikanti.
L-Università se tagħmel studju nazzjonali biex teżamina kull tip ta’ kwalifika mogħtija f’Malta li twassal għall-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja. Mir-riżultat ta’ dan l-istudju l-Università tkun tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet li jiżguraw li jinżamm livell ta’ kwalità fit-tagħlim li jwassal għall-ksib ta’ dawn it-tip ta’ kwalifiki, primarjament fir-rigward tal-assessjar.
Dan kollu huwa parti mill-isforzi tal-Gvern li qed jaħdem bis-sħiħ biex ipoġġi lill-istudent fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u jagħtih kull opportunità li jirnexxi. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jikkuntattja lill-Università ta’ Malta għal aktar tagħrif dwar il-bidliet fl-eżamijiet tal-MATSEC.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017