STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA
L-IVF f’pajjiżna ilu jsir aktar minn 20 sena
It-twelid ta’ trabi permezz tal-IVF ilu jsir f’Malta aktar minn 20 sena. Hi ħasra li suġġett sensittiv u komplikat jiġi trattat f’mod leġġer u partiġġjan, kif għamel Dottor Muscat ilbieraħ. Dan hu żball li m’għandux jirrepeti ruħu. Għalhekk mhux veru li f’pajjiżna nisa qed jiġu mċaħħda milli jkollhom it-trabi permezz tal-IVF.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista stess, Dott Muscat ġie kwotat jgħid:
“Dr Muscat irrefera għall-mewt fl-Ingilterra, tal-ewwel omm li ngħatat iċ-ċans li tuża l-IVF. Dan filwaqt li f’Malta għadna m’aħniex qed nagħtu ċ-ċans lil dawn il-familji biex ikollhom it-tfal. Il-Mexxej Laburista qal li kull minuta li qed nieħdu lil dik l-omm mingħajr ma nagħtuha ċ-ċans ikollha t-tfal, hija minuta misruqa li ma nistgħux nagħtuhielha lura. Għalhekk, Dr Muscat iddikkjara li l-ewwel liġi li jdaħħal Gvern Ġdid hija tal-IVF biex ma nibqgħux inċaħħdu lil dawn l-ommijiet milli nagħtuhom iċ-ċans li jkollhom it-tfal.”
F’Malta l-IVF ilu jsir mill-1991. L-ewwel tarbija li twieldet f’Malta permezz tal-IVF se tagħlaq 21 sena din is-sena. Hu kkalkulat li f’Malta hawn 750 mara li ħarġet tqila bi trattament tal-IVF li sar f’Malta stess. Dawn il-fatti juru kif Dott Muscat żbalja. Illum ma hemm l-ebda limitazzjoni fuq it-twelid permezz tal-IVF.
Fil-ġimgħat li ġejjin se titressaq liġi dwar l-IVF fil-Parlament. Il-liġi tal-IVF tfasslet wara li l-Gvern ikkonsulta ma’ diversi entitajiet u wara li sar ħafna xogħol importanti mill-Kumitat Magħżul tal-Kamra biex jikkunsidra r-Regolamentazzjoni tal-Prokreazzjoni Medikament Assistita li tmexxa mid-deputat Jean Pierre Farrugia. B'din il-liġi jitħarsu d-drittijiet kollha ta’ dawk involuti inkluż il-ġenituri, iżda wkoll b’mod partikolari u aktar importanti tal-embrijuni u tat-tfal li jitwieldu bl-IVF. Dan filwaqt li t-trattament tal-IVF jingħata mill-Isptar Mater Dei.
Dott Muscat għandu jgħid x’inhuma r-restrizzjonijiet li jrid idaħħal b’liġi fuq it-trattament tal-IVF f’pajjiżna. Dan billi bħalissa dan it-trattament jingħata mingħajr ebda limitazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017