Left arrow Go Back

IL-GVERN JILĦAQ FTEHIM ĠDID TA’ TLIET SNIN MAL-FONDAZZJONI OASI

pr1417
Date Icon 24/06/2012

Se jissaħħu l-programmi ta’ prevenzjoni, edukazzjoni, u riabilitazzjoni mid-droga

Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u l-Fondazzjoni OASI laħqu ftehim li permezz tiegħu se jissaħħu l-programmi edukattivi, ta’ prevenzjoni, kura u riabilitazzjoni mid-droga li jingħataw mill-Fondazzjoni OASI fiċ-Ċentru tagħha f’Għawdex. Permezz ta’ dan il-ftehim il-Fondazzjoni OASI se tkun f’pożizzjoni li ssaħħaħ is-servizzi tagħha fit-tliet snin li ġejjin.

Id-dettalji ngħataw mill-Ministru Chris Said waqt attivita’ li saret fiċ-Ċentru OASI fir-Rabat Għawdex. Preżenti kien hemm il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono. L-attivita’, li kienet tinkludi Open Day, saret sabiex tfakkar l-20 sena mill-ftuħ taċ-ċentru li minnu l-Fondazzjoni OASI toffri servizzi u għajnuna lill-persuni dipendenti mid-droga.  Matul l-20 sena li għaddew il-Fondazzjoni OASI għenet 662 ruħ – kemm Maltin kif ukoll Għawdxin.  Bħalissa l-klienti tal-Fondazzjoni OASI, li qed isegwu kors ta’ riabilitazzjoni inkella qed jibbenefikaw minn wieħed mis-servizzi tagħha, jgħoddu 32.

Il-Ministru Chris Said faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni OASI mmexxija mill-fundatur u d-Direttur Ġenerali tagħha Fr. Emanuel Cordina u tkellem dwar il-ġid li din qed tagħmel fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. “Is-662 persuna li fl-20 sena li għaddew ingħataw l-għajnuna mill-Fondazzjoni OASI jfissru 662 familja li bbenefikaw indirettament mis-servizzi ta’ fondazzjoni li qed tagħmel ħafna ġid”.

Hu qal li l-Gvern se jibqa’ jgħin għaqdiet u fondazzjonijiet bħall-OASI għaliex jemmen li dawn għandhom rwol u funzjoni mill-aktar importanti x’jaqdu.  Il-Ministru Said qal li l-Ministeru tal-Familja, fl-aħħar ħames snin għen lill-Fondazzjoni OASI b’aktar minn €730,000 mill-NGO Fund. Hu qal li l-ftehim il-ġdid, li jinvolvi €900,000 fuq tliet snin, għandu jservi sabiex il-Fondazzjoni OASI tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha.

Il-Ministru Chris Said qal li l-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga, li jitfakkar kull sena fis-26 ta’ Ġunju, għandu jġegħlna nirriflettu fuq il-vittmi tad-droga u għandu jixprunana nagħmlu dak kollu possibbli sabiex ngħinuhom jaqtgħu dan il-vizzju ikrah li tant jagħmel ħsara fost il-familji Maltin u Għawdxin. 

Hu rrefera għall-aktar studju riċenti tal-ESPAD (2011) u spjega kif ir-riżultati jindikaw b’mod ċar li fis-snin li bejn l-2007 u l-2011 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 3% fl-użu ta’ sustanzi illeċiti fost iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. L-użu tal-ħaxixa naqas minn 13% għal 10%; filwaqt li l-użu ta’ sustanżi illeċiti b’mod ġenerali naqas minn 15% għal 12%.

Il-Ministru Said qal li dawn ir-riżultati għandhom jimlew lil kull min jaħdem f’dan il-qasam bil-kuraġġ għaliex jidher li l-ħidma li ilha ssir fuq prevenzjoni u edukazzjoni qed tagħti l-frott. Madanakollu dawn ir-riżultati ma jfissrux li l-ħidma għandha tieqaf hemm.  Fil-fatt il-Gvern qed ihejji abbozz ta’ liġi sabiex jagħmel illegali il-bejgħ tax-xammiema (inhalants) lil żgħażagħ taħt it-18-il sena.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex fissret kif din l-okkażjoni tirrappreżenta rikonoxximent tal-ġid li ħareġ mill-operat tal-OASI sal-lum filwaqt li tagħti wkoll xhieda tal-fatt li din l-organizzazzjoni qed tħares il-quddiem biex tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha għall-ġid tas-soċjetà.

Il-Ministru ddeskriviet il-ħidma tal-OASI fil-qasam tal-kura kif ukoll tal-prevenzjoni tal-abbuż mid-droga u sustanzi oħra, bħala waħda valida, li serviet bħala katalist ewlieni fuq bażi reġjonali filwaqt li tat kontribut sostanzjali fuq bażi nazzjonali. L-Onor. Giovanna Debono spjegat kif ħidma bħal dik tal-fondazzjoni OASI għandha influwenza diretta fuq il-ġid tas-soċjetà u għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet u entitajiet oħra jikkollaboraw biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-ħidma tagħhom f’dan il-qasam. “Huwa għalhekk li minn naħa tagħna ser inkomplu nagħtu s-sostenn meħtieġ lil din il-Fondazzjoni kif għamilna tul dawn is-snin” temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow