L-EWWEL BAJJA F’GĦAWDEX LI SE TTAJJAR IL-BANDIERA BLU
“Il-Bajja tar-Ramla f’Għawdex hija l-ewwel bajja fil-gżira Għawdxija li se ttajjar il-Bandiera Blu. Dan huwa riżultat ta’ xhur ta’ preparazzjoni, u jfisser impenn u koordinazzjoni mill-entitajiet konċernati biex itejbu l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru din il-bajja”.
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex hekk kif nediet uffiċjalment l-ewwel bandiera blu fil-bajja tar-Ramla għal dan l-istaġun. Hija faħħret il-ħidma tal-Fondazzjoni Gaia, li b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), applikat u kisbet dan il-preġju ta’ eċċellenza, wara li sentejn ilu kisbet il-premju ta’ bajja pilota mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali. Biex ikkwalifikat għat-titlu prestiġjuż tal-Bandiera Blu, il-bajja tar-Ramla laħqet numru ta’ kriterji fosthom l-edukazzjoni u informazzjoni ambjentali, kwalità tajba tal-ilma, l-immaniġġjar ambjentali, is-sigurtà, u s-servizzi u faċilitajiet offruti mill-post. Fid-dawl tal-fatt li l-bajjiet madwar Għawdex huma waħda mir-raġunijiet għalfejn it-turisti jagħżlu li jqattgħu l-btala tagħhom fil-gżira Għawdxija, il-Ministru għal Għawdex awgurat li Għawdex ikollu aktar bajjiet rikonoxxuti b’dan it-titlu. Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif dan l-istatus jikseb relevanza akbar meta jiġi meqjus fil-kuntest tal-ħidma marbuta ma’ Eko Għawdex.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll Dr Rudolf Ragonesi, il-President tal-Fondazzjoni Gaia u s-Sur Ray Azzopardi mill-MTA flimkien ma uffiċjali oħra tal-istess Awtorità, li fil-kummenti tagħhom ħeġġew lill-pubbliku biex jikkollabora fiż-żamma u l-preservazzjoni ta’ din il-bajja.
Din il-bajja f’Għawdex setgħet tilħaq il-kriterji marbuta mal-għoti tal-Bandiera Blu bħala riżultat tal-ħidma konġunta mill-Ministeru għal Għawdex, l-MTA u l-Fondazzjoni Gaia. Id-Dipartiment tal-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli mit-tindif tal-bajja, l-MTA ffinanzjat il-walkway tal-injam u l-lifeguards, filwaqt li membri tal-Fondazzjoni Gaia jissorveljaw u jimmaniġġjaw l-attivitajiet fuq il-bajja, iċ-ċentru tal-informazzjoni, filwaqt li jipproteġu d-duni tar-ramel ekoloġikament sensittivi li huma uniċi fil-Gżejjer Maltin. Attivitajiet edukattivi matul is-sajf jiġu organizzati minn Gaia bil-kollaborazzjoni ta’ Sharklab.
B’hekk illum il-bajja tar-Ramla hija waħda mis-sitt bajjiet madwar il-kosta ta’ Malta li ngħatat ir-rikonoxximent tal-Blue Flag.
Informazzjoni dwar attivitajiet u żjajjar ippjanati għal dan is-sajf jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku u mill-paġna tal-Facebook tal-Fondazzjoni Gaia, kif ukoll miċ-ċentri għall-viżitaturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017