IL-QAGĦDA FINANZJARJA FI SPANJA, GREĊJA, ĊIPRU, PORTUGALL U L-IRLANDA FL-AĠENDA TAL-MINISTRI TAL-FINANZI FIL-LUSSEMBURGU
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, ħalla Malta għal-Lussemburgu, fejn se jipparteċipa għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Unjoni Ewropea (ECOFIN) u l-laqgħa tal-Grupp tal-Ewro (Eurogroup). Tonio Fenech se jkun akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Alfred Camilleri.
Is-sitwazzjoni finanzjarja Ewropea tibqa’ tiddomina bl-aġenda hekk kif il-Ministri se jiddiskutu żviluppi politiċi u ekonomiċi riċenti fil-Greċja wara l-elezzjonijiet ġenerali tat-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ Spanja, li fid-9 ta’ Ġunju Spanja ħabbret li fi ħsiebha tfittex għajnuna finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek, u wara li l-Eurogroup ikkonferma li lest jalloka sa 100 biljun ewro għal dan l-għan.
Se ssir diskussjoni wkoll dwar l-iżviluppi tal-qagħda f’Ċipru, fil-Portugall u fl-Irlanda.
Il-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro se jiddiskutu wkoll il-progress fir-rigward tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu ta’ Stabbilità Ewropew u x-xogħol tekniku li sar s’issa biex ikun assigurat li l-mekkaniżmu jkun operattiv immedjatament malli jidhol fis-seħħ.
Għada imbagħad tiltaqa' l-laqgħa tal-ECOFIN, li se jittratta Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew l-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-irkupru u r-rizoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kredituri u kumpaniji ta’ investiment (SdR). Se tkompli wkoll id-diskussjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront tal-Ġermanja u l-Bulgarija u dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ttemm is-sospensjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni fil-konfront tal-Ungerija wara li l-istess Ungerija kkoreġa s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tiegħu.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017