STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT - STQARRIJA B'RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TA' DR ANGLU FARRUGIA
Il-Politika tal-Gvern tfisser aktar flus fil-but u aktar Postijiet tax-Xoghol għall-Maltin u l-Għawdxin
Il-Gvern kien konsistenti fil-politika tiegħu li ma jistax ikun hemm tkabbir ekonomiku mingħajr tisħiħ tal-qagħda finanzjarja, u l-qagħda finanzjarja ma tistax tissaħħaħ mingħajr tkabbir ekonomiku. L-inkompetenza ekonomika tal-Oppożizzjoni toħroġ ċara meta fi stqarrija ppubblikata llum tat x’tifhem li gvern għandu jagħżel waħda jew oħra, meta t-tnejn huma kruċjali għall-istabbilità u t-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja ta’ pajjiż.
Pajjiżna qatt ma adotta politika ta’ awsterità. Anzi, tul din il-legiżlatura tnaqqsu mill-anqas sbatax-il taxxa differenti fosthom:
• Tnaqqset l-income tax għal kulħadd
• Tnaqqset l-income tax b’mod addizzjonali għall-ġenituri li jaħdmu
• Tnaqqset it-taxxa għal ġenituri li jibagħtu ‘l uliedhom f’child care centre – barra l-fatt li l-ommijiet igawdu minn sena bla taxxa wara li jkollhom tarbija
• Tnaqqset it-taxxa għal ġenituri li jibgħatu ‘l uliehdom fi skola privata
• Tnaqqset it-taxxa għal ġenituri li jibagħatu ‘l uliehdom f’attività sportiva jew kulturali
• Tneħħiet id-departure tax
• Tneħħiet il-liċenzja tat-TV
• Tneħħiet it-taxxa fuq il-credit cards
• Negozji żgħar qed jiffrankaw mit-taxxa talli jinvestu u jħaddmu n-nies
Proprju f’dawn l-aħħar gimgħat, l-Unjoni Ewropea għad kif ikkonfermat li Malta għandha fost l-anqas rati ta’ taxxa fuq l-impjieg.
Dan kollu wassal biex tul l-aħħar snin l-ekonomija Malta kibret b’rata aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea. Ankè fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-maġġoranza tas-setturi ekonomiċi komplew jikbru u joħolqu x-xogħol. Il-ġimgħa li għaddiet stess l-Unjoni Ewropea kkonfermat li Malta kellha t-tieni l-akbar żieda f’postijiet tax-xogħol fuq il-kwart ta’ qabel. Fl-istess perjodu, il-pagi żdiedu b’aktar minn 3% fuq is-sena li għaddiet.
Dan kollu qed iseħħ fi żmien meta pajjiżi oħra qed jaraw żieda fil-qgħad, qed idaħħlu taxxi ġodda u jaqgħu benefiċċji soċjali u servizzi edukattivi. F’pajjizna, il-Gvern kompla jsostni dawn is-setturi. Minkejja, dan, kompla jsaħħaħ il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, tant li l-Fond Monetarju Internazzjonali ddeskriva l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-finanzi bħala impressjonanti.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tipprova tpenġi stampa kerha ta’ pajjiżna biex taqta’ qalb l-investitur, aktar minn 10,000 kumpanija ġdida ġew reġistrata f’pajjiżna tul din il-legiżlatura, ġew approvati aktar minn 130 fabbrika ġdida jew espansjonijiet. Dan wassal biex fl-istess perjodu nħolqu 20,000 post tax-xoghol ġdid. Dawn iċ-ċifri huma l-aqwa ċertifikat li politika tal-Gvern Nazzjonalista qed tissarraf f’ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017