IKTAR XOGĦOL B’PAGI TAJBIN FL-INDUSTRIJA TAL-AVJAZZJONI
Kmieni llum wara nofsinhar, il-Ministru tal-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, Jason Azzopardi, żar lill-kumpanija Hawk Aerospace ġewwa l-ufficini tagħha f’Birkirkara. Il-Kumpanija Hawk Aerospace ibbenefikat minn għotja ta’ xejn inqas minn €160,000 mill-Malta Enterprise sabiex min-naħa tagħha tkun tista tipparteċipa fil-programmi Eureka & Eurostars. Sa mit-twaqqif tagħha, Hawk Aerospace uriet ir-rieda li tagħmel il-parti tagħha sabiex tinvesti f’industrija innovattiva u li dejjem qed tespandi, dik tal-avjazzjoni. Hawk Aerospace hija waħda mill-ftit kumpaniji li bbenefikaw minn assistenza simili mill-Malta Enterprise, liema assistenza tinkoraġġixxi proġetti ta’ riċerka u żvilupp bejn kumpaniji li joriġinaw minn pajjiżi differenti iżda li jiffurmaw parti mill-Eureka network.
Is-Sur Roger Archer, direttur tal-kumpanija, qal illi l-kumpanija twaqqfet fl-2004 u tispeċjalizza fil-bini u l-kirjiet tal-Unmanned Aerial Vehicles (UAVs). Mill-2004 sal-lum l-impjegati fil-kumpanija żdiedu minn 2 għal 5. Il-kumpanija ddiversifkat ukoll il-linja tagħha u fl-2008 għaddiet sabiex tispeċjalizza fuq il-bini tat-teknologija. Is-Sur Archer qal li l-proġett Eureka huwa programm ta’ inizjattiva tal-Eunjoni Ewropea li beda fl-1995 u l-iskop ta’ dan il-programm hu li jgħin lil kumpaniji minn pajjiżi differenti sabiex jaħdmu flimkien fuq proġetti ta’ riċerka. Bis-saħħa tal-programm Eurostars, il-membri nvoluti jiġu nkoraġġiti sabiex jaħdmu flimkien fuq proġetti ta’ riċerka uniċi u li eventwalment jiftħu orizzonti ġodda f’numru ta’ setturi bħalma hu dak tas-sigurta`. Is-Sur Archer qal li Hawk Aerospace qed tikber u timxi ’l quddiem u hija ta’ eżempju għal kumpaniji micro bħalha sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jinvestu fil-prodott ‘made in Malta’ li jkun ifisser li prodott ta’ kwalita` jkun disinjat u maħruġ mill-Maltin.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Azzopardi saħaq li Hawk Aerospace qed tinvesti fit-teknoloġija u hija eżempju ta’ intraprenditorija fantastika. Hu nnota li l-kumpanija qed tikber tant li llum għandha problema ta’ spazju. Il-Ministru Azzopardi qal li huwa applawsibbli l-fatt li l-kumpanija li twaqqfet fl-2004 kompliet tikber u sabet niċċa għaliha, wara investiment mhux żgħir u sagrifċċji kbar. Huwa qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tisma’ li Hawk Aerospace ikollha talbiet saħansitra mill-Far East u anke bħal dik tal-bieraħ stess, mill-Venezuela. Huwa tenna li huwa nkoraġġanti illi kumpanija bħal din ħadet fondi mill-Malta Enterprise u minkejja dan investit ħafna fondi oħra min-naħa tagħha. Dan juri li l-Malti ttieh l-ispazju u jikber, dejjem jekk tipprovdilu l-klima ekonomika ġusta. Il-Ministru kkonkluda billi rrimarka illi l-kumpaniji żgħar li huma madwar 63,000 u li jimpjegaw inqas minn 10 impjegati huma s-sinsla tal-ekonomijia Maltija u li kumpanija bħal Hawk Aeropace tikkreja sens kbir ta’ ottimiżmu bħalma jafu jiġġeneraw biss kumpaniji simili żgħar b’ambizzjonijiet kbar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017