Left arrow Mur Lura

DISKORS TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, L-ONOREVOLI MARIO GALEA, WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAL-ATT IL-ĠDID TAS-SAĦĦA MENTALI

pr1370
Date Icon 19/06/2012

Fl-aħħar wasalna.  Din hija liġi li ilha ħafna tinħema.  Jekk kien hemm liġi li dwarha saret konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa żgur li hija l-Mental Health Act.  Għandi fiduċja li l-Parlament se jaqbel ma’ din il-liġi. Ta’ min ifakkar li fl-istadju tad-drafting tal-abbozz, l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mis-Sur Joe Abela.  Sieħbi Joe li hu l-ewwel u qabel kollox professjonist fil-qasam tas-saħħa. Imma mhux biss, Joe hu ex-Membru Parlamentari Laburista u bniedem li għandu s-saħħa mentali għal qalbu ħafna. Tant li llum Joe hu membru maħtur mill-Gvern fuq il-Bord tal-Mount Carmel Hospital.

Kull bidu għandu tmiem. U f’xi stadju ridna nagħlqu l-konsultazzjoni u ngħaddu għad-diskussjoni u l-approvazzjoni  ta’ dan l-abbozz fil-Cabinet.  Filfatt il-Cabinet iddiskuta u ddeċieda fuq dan l-abbozz nhar it-Tnejn 30 ta’ April 2012.  Għalkemm dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kien twil, nemmen li ma kienx żmien mitluf. Anzi kien proċess utli.  Diversi suġġerimenti u punti li tqajmu waqt dan il-proċess ta’ konsultazjoni ġew inkorporati fil-liġi. Barra minn hekk, dan il-proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni  għen ukoll biex il-liġi ssib aktar appoġġ u qbil fost il-firxa wiesgħa ta’ stake holders involuti f’dan is-settur. Il-liġi li qed nippreżentaw issa ġiet vetted mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika

Issa dan l-abbozz ġie tradott għall-Malti. Bħalissa qed jerġa’ jiġi ċċekjat min-naħa tal-Kummissarju. Il-pass li jmiss issa hu li liġi tibda tiġi diskussa fil-Parlament. Diġà sar l-ewwel qari tagħha fil-Parlament.  Issa jmiss diskussjoni ġenerali fuq il-liġi li jsir fit-tieni qari. Wara fl-istadju tal-kumitat kull klawsola tal-liġi tiġi eżaminata bir-reqqa.  Wara titressaq għat-tielet qari. 

Irrid nieħu din l-okkażjoni biex minn qalbi nirringrazzja lil diversi persuni li ħadmu qatiegħ biex din il-liġi setgħet titwieled, tikber u timmatura. Dan il-proċess wassal biex illum għandna abbozz li nemmen li hu tajjeb ħafna.  Ma nistax insemmi lil kulħadd. Imma ma nistax ma nsemmix lil Dr Ray Scerri li kien il-moħħ wara d-drafting u r-re-drafting ta’ din il-liġi. Ray daħal għal din il-biċċa xogħol b’impenn, entusjażmu, u b’dedikazzjoni liema bħalha.  F’din il-liġi nvesta ħafna u ħafna ħin u ħafna u ħafna enerġija. Grazzi ħafna u prosit mill-qalb Ray. Irrid nirringrazzja wkoll lil Dr John Cachia, Kummissarju tas-Saħħa Mentali li minn mindu sar kummissarju daħal sew f’din il-liġi. L-input tiegħu u tat-team tiegħu kien ferm importanti. Irrid nirringrazzja lill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech tal-paċenzja li ħa bina. Tal-ħafna ħin li tana. Ta’ kemm-il darba ksirnielu d-devozzjoni ġejjin u sejrin għandu kull darba li nbiddlu xi ħaġa mil-liġi.

Fl-aħħar u mhux l-inqas lil Mrs Kate Gonzi tal-inkorraġġiment tagħha u l-interess tagħha ma jaqta’ xejn f’din il-liġi. Kull meta ġejna bżonnha dejjem sibnieha minkejja l-impenni tagħha.  Sinjura Gonzi grazzi mill-qalb. Irrid niżżi ħajr ukoll lil ħafna oħrajn li ħadmu minn wara l-kwinti. Xejn anqas lil ħafna li fil-proċess ta’ konsultazzjoni għamlu l-kritika u suġġerimenti tagħhom. Lil dawn kollha ngħidilhom grazzi. Grazzi mill-qalb. Prosit. Ilkoll flimkien għamilna biċċa xogħol tajba.

Irrid ngħid li sakemm din il-liġi kienet qed tinħema u tinbidel għal ma nafx kemm-il darba ma bqajniex skantati ma nagħmlu xejn.  F’dawn l-aħħar erba’ snin sar investiment qawwi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità. Tant li fil-komunità biss f’dawn l-aħħar erba’ snin investejna xejn anqas minn seba’ miljun ewro.  Frixna s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Tant li llum għandna 160 professjonist jaħdmu fil-komunità fil-qasam tas-saħħa mentali. Fil-fatt, illum għandna 40 lokalità f’Malta li għandhom is-servizzi tas-saħħa mentali fil-lokalità tagħhom. Mhux biss. Ftaħna ħames day centres għall-persuni bi problemi ta’saħħa mentali. Għandna wkoll sitt kliniċi fejn f’kull waħda jattendi team multi-dixxiplinarju.  Waqqafna wkoll il-Crisis Intervention Team li jitratta emerġenzi ta’ saħħa mentali. Ftaħna tliet flatlets fejn numru ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali qegħdin ikomplu jgħixu fil-komunità. 

Tul is-sena li għaddiet xejn anqas minn 14,000 ruħ użaw dawn is-servizzi tagħna fil-komunità.  Hu fatt ippruvat li meta tinvesti fil-kura fil-komunità għall-problemi ta’ saħħa mentali anqas nies ikollhom bżonn jidħlu għall-kura l-Mount Carmel. U jekk ikollhom bżonn jidħlu, il-length of stay tagħhom fl-isptar tkun anqas. Dan għaliex ikunu jistgħu jiġu liċenzjati mill-isptar aktar kmieni biex ikomplu jiġu segwiti mit-teams tagħna fil-komunità.

Ta’ min ifakkar li hija d-direzzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li fil-qasam tas-saħħa mentali ninvestu kemm jista’ jkun f’servizzi fil-komunità.

Wara li nispiċċa jien, Dr Ray Xerri se jagħmel preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz. Biss jien irrid infakkar li liġi li qed nużaw illum hija waħda antika tal-1976. Il-liġi l-ġdida hija client oriented. L-enfażi qiegħed fuq il-klijent li jiġi bżonn is-servizzi tagħna. Min-naħa l-oħra l-enfażi tal-liġi l-antika hu fuq involuntary admissions. Fuq kif pazjent jista’ jiddaħħal b’mod involontarju għall-kura fl-isptar Monte Carmeli. L-enfażi fil-liġi tal-lum hu kif il-pazjent se joħroġ mill-Mount Carmel fl-iqsar żmien possibbli. Fuq il-fatt kif il-kura involontarja trid tingħata fl-iqsar żmien possibbli.  Għall-ewwel darba dan l-abbozz se jippermetti li l-kura involontarja tista’ tingħata wkoll fil-komunità u mhux aktar bilfors f’istituzzjoni.  Dan hu ghal kollox kunċett ġdid għal Malta.

Din il-liġi titkellem ħafna fuq professional accountability. Il-liġi antika kienet tħalli l-kura f’idejn il-professjonisti. Issa d-deċiżjonijiet dwar programm ta’ kura jridu jittieħdu flimkien mal-pazjent innifsu, ma’ min qed jieħu ħsiebu u mal-professjonisti ovvjament. Il-pazjent issa se jkun involut fit-tfassil ta’ programm ta’ kura li se jirċievi. Nixtieq inżid li l-kunċett ta’ trusted person issa se jinbidel fil-liġi l-ġdida. Qabel kien awtomatikament in-next of kin. Illum it-trusted person se jkun magħżul mill-pazjent innifsu.  Jiġifieri jista’ jkun membru tal-familja imma jista’ jkun ħabib ukoll.

B’din il-liġi, il-Kummissarju jrid japprova wkoll kemm il-pazjent se jdum l-isptar b’mod involontarju għall-kura.  Dan ifisser li din il-liġi se tassigura li diversi servizzi meħtieġa mill-klijent li qed jitpoġġa taħt programm ta’ kura jridu jingħataw fl-iqsar żmien possibbli. U b’mod multi- dixxiplinarju. Kull professjonist se jkun kontabbli għal għemilu.

Konklużjoni

Irrid nagħlaq billi nsostni li dan l-att li qegħdin nippreżentaw illum se jfittex li jipproteġi u jħares id-drittijiet tal-klijenti tagħna.  Din hi liġi li se tifhem it-tbatija u se taħdem biex tnaqqas it-toqol tal-piż.  Din hi l-liġi li se tfittex li tintegra dawn il-klijenti fil-qalba tas-socjetà. Liġi li trid tiftaħ il-bibien. Mhux tagħlaqhom. Li trid taħdem flimkien mal-kiljent u mhux għall-klijent. Li se tpoġġi l-klijent l-ewwel u qabel kollox. Fejn issa s-servizz irid ikun għall-klijent. U mhux il-klijent għas-servizz. Din il-liġi  ma tharisx lejn il-marda mentali u tieqaf hemm. Imma din hi liġi li qed tifhem li wara l-marda, l-ewwel u qabel kollox, hemm bniedem. Li jrid jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjità. Tabilħaqq din hi liġi ta’ drittijiet. Liġi li se tipproteġi lill-klijent.

Ħbieb, sinċerament nemmen li dan l-abbozz hu mfassal biex jagħtina liġi li se tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawn il-klijenti. Fuq kollox din hija liġi li tirrispetta, tagħder u tħenn.

Grazzi ħafna.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow