INAWGURAT IL-LABORATORJU TAL-KONSERVAZZJONI TAL-ARKIVJI NAZZJONALI
Ix-xogħlijiet tal-kompożitur Charles Camilleri se jingħataw lill-Arkivji Nazzjonali
F’kelmtejn li għamlet, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li meta wieħed ikollu xi oġġett ta’ valur, speċjalment jekk ikun oġġett antik jara kif jagħmel biex iżommu f’post adattat, jipproteġih u jikkonservah mill-aħjar li jista’ biex ma ssirlux ħsara, u jekk ikollu xi ħsara ifittex li jsewwih biex jerġa’ jġibu f’qagħda kemm jista’ jkun tajba.
Mill-2005 ’l hawn, wara li l-Arkivji Nazzjonali ingħataw l-istatus ta’ aġenzija sar pjan komprensiv ta’ ħidma u twaqqfu strutturi li kellhom ipoġġu fuq pedamenti aħjar il-ħidma ta’ din l-istituzzjoni importanti li tiġbor fiha dokumenti importanti.
L-inawgurazzjoni ta’ dan il-Laboratorju ta’ Konservazzjoni hu l-pass naturali f’mixja li bdiet seba’ snin ilu. L-Arkivji Nazzjonali issa għandhom l-għodda meħtieġa biex jieħdu ħsieb it-teżori li hemm miġbura fihom. U mhux biss għandhom l-għodda imma għandhom ukoll l-imgħallmin biex iħaddmu din l-għodda.
Il-Ministru fakkret li l-konservazzjoni titlob ħiliet speċjali. M’hix ħobż għal snien kulħadd imma hi għadma iebsa li trid ħiliet partikolari biex tgerrimha. B’żewġ persuni li bejniethom għandhom bagalja ta’ 35 sena esperjenza f’dan il-qasam, nistgħu nserrħu rasna li dawn id-dokumenti se jkunu f’idejn tajba u se jsirilhom ir-restawr u l-konservazzjoni meħtieġa kif titlob is-sengħa.
Id-dokumenti li huma miġbura fil-binja storika li tilqa’ fiha l-Arkivji Nazzjonali huma ferm aktar antiki mill-binja nnifisha. Huma dokumenti uniċi u ta’ valur imprezzabbli. Dokumenti li jiġbru fihom l-istorja glorjuża ta’ dan il-poplu. Dokumenti li għandna d-dmir u l-obbligu li nibżgħu għalihom u nikkonservawhom għal dawk li jridu jiġu warajna.
Ma’ dawn id-dokumenti antiki, hemm ukoll oħrajn anqas antiki u oħrajn relattivament ġodda. L-Arkivji Nazzjonali ikomplu jistagħnew meta jirċievu donazzjonijiet ta’ dokumenti u kollezzjonijiet oħra uniċi. Għalhekk inħeġġeġ lil familji u istituzzjonijiet li jersqu lejn din l-istitutzzjoni biex jagħmlu donazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Cristina ħabbret li l-Arkivji Nazzjonali se jkollhom jikkonservaw il-parti l-kbira tax-xogħlijiet tal-kompożitur magħruf u bravu Charles Camilleri. Hi rringrazzjat lis-Sinjura Camilleri u lil uliedha li għamlu din id-donazzjoni imprezzabbli lill-poplu Malti.
Naturalment aktar ma jkollna minn dawn id-donazzjonijiet se jikber l-uġiegħ ta’ ras għall-Arkivista Nazzjonali minħabba problema ta’ spazju. Il-Gvern, għax jifhem li l-problema tal-ispazju jinħtieġilha soluzzjoni, diġà ħaseb biex parti mill-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat – skola li fi żmien ftit snin oħra l-istudenti tagħha jibdew imorru fi skola ġdida - tibda’ tintuża mill-Arkivji Nazzjonali biex ikollhom aktar spazju fejn jilqgħu aktar dokumenti importanti.
Il-Ministru rringrazzjat lill-Arkivista Nazzjonali, lir-restawraturi, lill-istaff tal-Arkivji Nazzjonali, il-Bord tat-Tmexxija u l-ħbieb tal-arkivji għax-xogħol li jagħmlu biex iżommu l-Arkivji fl-aħjar stat possibbli.
L-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia filwaqt li spjega l-ħidma li kien hemm bżonn issir biex tlesta u kien attrezzat il-Laboratorju tal-Konservazzjoni, irringrazzja l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tal-Finanzi għall-għajnuna kbira li taw biex dan il-proġett seta’ jitlesta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017