IKKOMMEMORAT IL-50 ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’ DR FRANCESCO MASINI
L-inawgurazzjoni tal-wirja Għawdex Ifakkar li qed tittella’ fil-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex tat bidu għal sensiela ta’ attivitajiet li ser jikkommemoraw il-50 anniversarju mill-mewt ta’ Dr Francesco Masini (1894 – 1962), avukat Għawdxi li ħadem għal ġid tal-gżira Għawdxija. Dawn l-attivitajiet qed jġu organizzati mill-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-familji Masini u Refalo.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex inawgurat din il-wirja li tinkludi għadd ta’ ritratti u dokumenti relatati mal-ħajja u l-kisbiet ta’ Dr Masini. Il-Ministru Debono rreferiet għal Dr Francesco Masini bħala persunaġġ Għawdxi li ddistingwa ruħu mhux biss għas-suċċessi personali fil-professjoni legali, iżda għax matul ħajtu ħadem u stinka biex jara li l-kundizzjoni ta’ ħutu l-Għawdxin mhux biss titjieb iżda tingħata l-attenzjoni li tixirqilha. Żiedet tgħid li isem Dr Masini huwa marbut ukoll mal-istorja ta’ Għawdex meta flimkien ma’ patrijotti oħra Għawdxin kien waqqaf il-Partit ta’ Għawdex biex b’hekk seta’ wkoll jirrapporta lil Għawdex fil-Parlament. Il-Ministru għal Għawdex sellmet lil Dr Masini bħala patrijott Għawdxi li l-eżempju tiegħu huwa meqjus bħala ispirazzjoni biex l-Għawdxin ifittxu dejjem dak li hu l-aħjar għall-gżira ta’ Għawdex.
Għall-inawgurazzjoni tal-wirja Għawdex Ifakkar kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-Onor. Chris Said, Ministru għall-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja; l-Onor. Anton Refalo, Kelliem ewlieni tal-Partit Laburista għal Għawdex; is-Sur Anton Tabone; uħud minn ulied Dr Francesco Masini u familjari oħra.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħamis 5 ta’ Lulju, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 a.m. u s-1 p.m. u s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9a.m. u nofsinhar. Minbarra din il-wirja, l-avvenimenti kommemorattivi b’risq Dr Francesco Masini, ser jissoktaw nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju fis-7.30 p.m. fi Triq Francesco Masini fir-Rabat, fejn diversi kelliema ser jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar ix-xogħol ta’ Dr Masini għall-komunità Għawdxija. L-attivitajiet jiġu fi tmiemhom nhar it-Tnejn 9 ta’ Lulju fis-6 p.m., permezz ta’ quddiesa fil-Knisja Katidrali fir-Rabat, fil-jum li jfakkar l-anniversarju mill-mewt ta’ Dr Masini.
Dr Francesco Masini serva fil-Qorti ta’ Għawdex bejn l-1919 u l-1962. Kien ukoll membru ta’ diversi organizzazzjonijiet u kumitati, fosthom dak tas-Soċjetà Filarmonika Leone fejn kien ġie appuntat President Onorarju. Madanakollu l-ikbar kisba ta’ Dr Masini kienet it-twaqqif tal-Partit ta’ Għawdex fl-1947. Flimkien ma’ sitt professjonisti u intraprendituri, Masini waqqaf il-partit, li skont Mabel Strickland kien ifisser li “Għawdex qed iwassal leħnu”. Fl-elezzjoni tal-1947, flimkien ma’ Dr Anton Calleja u Joseph Cefai, Francesco Masini kien elett fl-Assemblea Leġislattiva fejn serva bħala membru sakemm waqa’ l-gvern ta’ Boffa fl-1950.
Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet kommemorattivi b’risq Dr Francesco Masini tista’ tinkiseb fuq www.gozoculture.com jew minn fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook li qed tikkommemora lil Dr Masini.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017