KURA GĦALL-KANĊER - IMNIEDI TAĦRIĠ PROFESSJONALI DWAR IL-KOMUNIKAZZJONI MA’ PAZJENTI F’MUMENTI DELIKATI
Hekk kif kien imħabbar fil-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer illum ingħata bidu għall-programm ta’ taħriġ dwar komunikazzjoni għall-professjonisti involuti fil-kura għall-kanċer. Il-Programm ta’ taħriġ għandu l-iskop li jħarreġ lill-professjonisti dwar kif tiġi kkomunikata aħbar ħażina jew delikata lill-pazjent kif ukoll lill-familjari.
Waqt l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar qal li l-programm huwa riżultat tar-riċerka li saret bi preparament għat-tfassil tal-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer. Fil-fatt, minn din ir-riċerka kien ħareġ li jkun hemm benefiċċju għall-pazjent jekk il-professjonisti varji jkunu wkoll imħarrġa fil-metodi differenti ta’ komunikazzjoni.
Kien għalhekk, li bħala parti minn dan il-pjan, illum ingħata bidu għal dan il-programm ta’ taħriġ li permezz tiegħu l-professjonist se jkun aktar ippreparat biex jikkomunika b’mod effettiv ma’ persuni differenti f’mument delikat. Il-Ministru Joe Cassar qal li l-qasam tal-Onkoloġija hu wieħed partikolari, minħabba li kemm il-pazjent u l-familjari jiġu esposti għall-biża’ kbira mill-ħsieb li wieħed jista’ jitlef ħajtu.
Dr Cassar qal li mill-ħin li jiġi stabilit li l-pazjent ikollu tumur jew kanċer, tibda l-ansjetà u dan wassal għal ħafna mistoqsijiet. Għalhekk it-taħriġ mhux se jiffoka biss fuq kif wieħed iwassal aħbar ħażina, imma wkoll fuq l-aspetti kollha relatati maż-żmien li l-pażjent u l-familjari se jgħaddu f’kuntatt mas-servizzi tas-saħħa inkluż ukoll il-mumenti fejn il-pazjent jitlef il-ġlieda għall-ħajja. Joe Cassar qal li l-iskop ta’ dan it-taħriġ hu dak li l-komunikazzjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun effettiva, u fl-istess ħin il-professjonist ikun aktar ippreparat biex jiffaċċja dawn il-mumenti.
It-taħriġ se jkun imwassal minn Fr. Joseph Calleja BA, MA, MSc, ECP u Ms Mireille Pellegrini Petit B.Soc u se jkun imqassam f’sessjonijiet ta’ 4 siegħat għall-4 ġimgħat u se jsir fi grupp żgħar.
Il-Ministru Cassar irringrazzja lill-professjonisti kollha li huma involuti f’dan il-qasam filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li l-ħidma tagħhom mhix waħda faċli u tirrikjedi impenn u dedikazzjoni kontinwa. Iżda huwa wkoll fatt li din l-istess ħidma ġġib magħha s-sodisfazzjon li tkun għent persuna fl-aktar mument diffiċli ta’ ħajjitha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017