INVESTIMENT QAWWI FL-ANZJANI BIEX JGĦIXU ĦAJJA AKTAR ATTIVA FIL-KOMUNITA’
Titwaqqaf l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Prevenzjoni mill-Abbuż fuq l-Anzjani
Il-Gvern qed jinvesti f’aktar servizzi għall-anzjani biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar attiva f’darhom u fil-komunita tagħhom stess. Il-Gvern daħħal u qed iżid is-servizzi fil-komunita biex kemm jista’ jkun l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom. Fost dawn is-servizzi jingħataw il-homehelp, meals on wheels, telecare, commcare u s-servizz tal-handyman. Il-Gvern fetaħ l-ewwel żewġ night shelters fiż-Żejtun u fil-Mellieħa, u f’qasir żmien se jiftaħ ieħor f’San Vinċenz de Paule. Fetaħ ukoll tliet day centres oħra għall-anzjani biex illum għandna 19-il day centre. Aktar minn 1,500 anzjan u anzjan jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ dawn id-day centres.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt attivita’ li matulha twaqqfet l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Prevenzjoni mill-Abbuż fuq l-Anzjani. Din l-għaqda tnediet fil-Jum Dinji kontra l-Abbuż fuq l-Anzjani li jitfakkar kull sena fil-15 ta’ Ġunju.
L-abbuz fuq l-anzjani jista’ jieħu diversi forom, minn fiżiku għal psikoloġiku, emozzjonali u finanzjarju. L-anzjani jistgħu jkunu vulnerabbli aktar minn gruppi soċjali oħra minħabba mard bħad-dimensja, fraġilita’ fiżika u minħabba d-dipendenza fuq l-oħrajn. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma li fil-pajjiżi żviluppati, l-abbuż fuq l-anzjani jista’ jitla sa 10%.
Il-Ministru Chris Said qal li f’Malta għandna sens qawwi ta’ rispett lejn l-anzjani tagħna riżultat anki tal-valur tal-familja li għadna nħaddnu. L-anzjani, tul ħajjithom, tawna ħafna u issa rridu nroddulhom ftit lura. Bħala soċjeta’ aħna fid-dmir li nieħdu ħsieb lill-anzjani tagħna u li ngħinhom jibqgħu attivi u jikkontribwixxu aktar.
Il-Ministru Said qal li ngħinu lill-anzjani jibqgħu attivi hu wieħed mill-metodi kif nistgħu negħlbu l-isfida tal-abbuż fuq l-anzjani. Illum Aktar minn 13,000 anzjan qed jagħżlu li jaħdmu, jirċievu l-paga filwaqt li ma jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni tagħhom. Dan minbarra li l-Gvern qed jagħti lill-anzjani ż-żieda sħiħa fil-pensjoni daqs il-ħaddiema.
Biex jagħti aktar appoġġ lill-anzjani li għandhom l-aktar bżonn, il-Gvern żied is-supplimentary allowance u daħħal allowance ġdid ta’ €300 għall-anzjani ta’ 80 sena u aktar li għadhom jgħixu fid-dar tagħhom jew mal-familja. Bħalissa qegħdin jieħdu din l-allowance ġdida aktar minn 13,000 anzjan u anzjana.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern qed jinvesti f’kura speċjalizzata għall-anzjani fosthom għal min ibati mid-dimensja. Qed isiru aktar operazzjonijiet tal-katarretti fuq l-anzjani, inkluż fil-privat u jħallas il-Gvern. F’dawn l-4 snin il-Gvern żied il-postijiet fid-djar għall-anzjani b’785 sodda. Sar investiment f’kura aħjar f’Ċentru ta’ Riabilitazzjoni f’Karin Grech fejn bħalissa hemm 153 anzjan u anzjana u li se jiżdiedu għal 211. Sar investiment ukoll f’Nursing Home f’Zammit Clapp għal 96 anzjan u anzjana.
Il-Ministru Chris Said qal li dan ix-xogħol kollu importanti iżda jinħtieġ li kulħadd jagħti sehmu biex neliminaw kull xorta ta’ abbuż. Hu fakkar kif f’San Vinċenz de Paule u fi djar tal-anzjani oħra titħaddan politika favur il-prevenzjoni kontra l-abbuż. Din il-politika tippromwovi s-sigurta’ tar-residenti u tinkoraġġixxi lill-anzjani, qraba u membri tal-istaff sabiex jirrappurtaw kull tħassib li jista’ jkollhom dwar każijiet ta’ abbuż.
Fis-snin li għaddew ittieħed ukoll pass importanti biex ikun miġġieled l-abbuż fuq l-anzjani meta l-Gvern waqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Anzjani.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017