L-EKONOMIJA MALTIJA QED TOĦLOQ AKTAR POSTIJIET TAX-XOGĦOL
L-ekonomija Maltija qed toħloq aktar postijiet tax-xogħol. Pajjiżna kellu r-raba’ l-akbar żieda fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel kwart tas-sena. Dan fl-istess żmien meta l-qgħad fl-Unjoni Ewropea kompla jiżdied.
Dan jirrifletti t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jara fil-maġġoranza tas-setturi ekonomiċi, fosthom is-servizzi finanzjarji, it-teknoloġija tal-informatika, l-online gaming u anke diversi oqsma fis-settur tal-manifattura, fosthom il-farmaċewtika u l-avjazzjoni li qed joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għal ħaddiema Maltin u Għawdxin. Aktar minn hekk, ix-xogħol qed jirrendi pagi aħjar, kif joħroġ mill-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistka, li wera żieda ta’ aktar minn 3% fil-pagi fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Dan huwa frott l-istabbilità ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna li twassal biex l-investitur lokali u barrani juri aktar fiduċja f’pajjiżna. Dan juri mill-fatt li fl-ewwel kwart tas-sena l-investiment fl-ekonomija Maltija żdied b’aktar minn 5%. Kważi 2,000 negozju investew mal-130 miljun ewro permezz ta’ skemi differenti tal-Gvern bħall-MicroInvest, MicroCredit u l-Fondi tal-ERDF għall-industrija.
Il-ħidma tal-Gvern iffukata fuq il-ħolqien tax-xogħol qed tħalli l-frott. Għalhekk il-Gvern investa aktar biex nattiraw aktar fabbriki u kumpaniji lejn pajjiżna. Fl-aħħar 4 snin biss ġew approvati 130 fabbrika ġdida u estensjonijiet, li ħolqu aktar minn 3,600 impjieg. Fl-istess ħin ġew reġistrati aktar minn 10,000 kumpanija ġdida. Dan kollu jfisser iktar xogħol ta’ kwalita u aktar xogħol għal familji Maltin – b’kollox aktar minn 20,000 post tax-xogħol ġdid fl-aħħar erba’ snin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017