900 PARTEĊIPANT GĦAWDXI JTEMMU B’SUĊĊESS KORSIJIET FL-ARTI U L-ARTIĠĠJANAT
Madwar 900 parteċipant Għawdxi li jattendu ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem ġew ippreżentati b’ċertifikati ta’ tkomplija għall-korsijiet rispettivi li attendew għalihom matul is-sena akkademika 2011/2012. Il-korsijiet kienu jittrattaw materji varji tal-arti, snajja’ u xogħol kreattiv li ta’ kull sena jiġbdu attendenza numeruża, fosthom il-pittura, il-bizzilla u r-rakkmu, xogħol fil-ħġieġ, injam, metall, fuħħar, induratura u fotografija. L-aktar parteċipant anzjan matul din is-sena akkademika kellu 87 sena.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ippresediet din l-attività u qassmet iċ-ċertifikati lill-parteċipanti preżenti. Għal din l-attività attendew ukoll is-Sur Mario Azzopardi, Direttur għat-Tagħlim matul il-Ħajja, Dun Charles Cini, President taċ-Ċentru u s-Sur Joseph Attard, Kap tal-Iskola. Il-Ministru għal Għawdex qalet li ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri qed iservi ta’ ċentru ta’ kreattività u innovazzjoni, filwaqt li qed ikun strumentali biex jinżammu ħajjin tradizzjonijiet artiġjanali. Hija spjegat kif dawn iċ-ċertifikati huma frott tad-dedikazzjoni tal-parteċipanti kif ukoll tal-edukaturi f’dan iċ-ċentru. Żiedet tgħid li t-tagħlim li toffri din l-iskola jagħmel parti mill-edukazzjoni extra-kurrikurali li tfittex ukoll li tibni fuq il-ħiliet tal-individwi u b’hekk twessa’ l-opportunitajiet anke fil-qasam tax-xogħol.
Matul din is-sena, dan iċ-ċentru kompla joffri taħriġ f’suġġetti relattivament ġodda għall-gżira ta’ Għawdex li wħud minnhom kienu indirizzati minn esperti tal-artiġjanat internazzjonali. Is-Sur Todor Radunov mill-Bulgarija mexxa kors dwar l-ikoni, li ttella’ bl-għajnuna tal-Ambaxxata Maltija fi Vjenna. Dan il-kors, li kien l-ewwel tat-tip tiegħu f’Għawdex, intlaqa’ b’entużjażmu mill-parteċipanti Għawdxin u kien jitratta metodi u tekniki fl-arti tal-ikoni. Fl-aħħar snin ġew offruti wkoll korsijiet qosra mill-arġentier u disinjatur tal-ġojjellerija, id-Daniż Thorkild Thogersen; mill-Professur Sergio Favotto mill-Akkademja Delle Belle Arti f’Firenze dwar l-Affresci u mis-Sur Mario Di Liberto minn Caltagirone dwar iċ-ċeramika.
Bl-assistenza u l-appoġġ kontinwu tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta, iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri introduċa l-konferenzi awdjo-viżivi bejn Għawdex u l-Istati Uniti, li kienu dejjem segwiti minn udjenza inkoraġġanti. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-istess Ambaxxata, nhar it-Tlieta 19 ta’ Ġunju grupp ta’ parteċipanti ser jattendu kors dwar il-fotografija f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, li ser jiġi immexxi mill-fotografu Steven Mc Curry.
L-applikazzjonijiet għall-korsijiet għas-sena akkademika 2012/2013 ser jintlaqgħu bejn is-17 u l-31 ta’ Awwissu 2012, u jistgħu jinġabru mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali kollha f’Għawdex jew minn fuq is-sit elettroniku taċ-ċentru www.gozocentre.com. Jista’ japplika kulħadd u kull persuna tista’ tapplika għal aktar minn kors wieħed.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017