STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
L-Oppożizzjoni tipprova tħarbat lill-istudenti u timmina l-proċess edukattiv
L-istqarrija maħruġa llum mill-kelliem Laburista għas-Saħħa dwar ix-xogħol tas-sajf tal-istudenti tan-Nursing tikkonferma kemm l-Oppożizzjoni qed tipprova tagħmel litteralment minn kollox biex forsi tiggwadanja xi vot.
Fi stqarrija tipikament negattiva, l-Oppożizzjoni saħansitra użat dak li qalilha persuna permezz ta’ email, biex tmaqdar is-sistema edukattiva u s-sistema tas-saħħa. Hija ħasra li, b’nuqqas ta rispett lejn il-verità, l-Oppożizzjoni anqas biss ivverifikat il-fatti li waslulha qabel ma ppublikat l-istqarrija.
Fil-fatt, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità jinforma lill-istudenti preżenti, u lill familjari tagħhom, li m’hu se jinbidel xejn fejn jidħol ix-xogħol tal-istudenti tan-Nursing matul is-Sajf.
Filwaqt li dan huwa aġir li issa sar sinonimu mal-Partit Laburista, l-istess Oppożizzjoni, filwaqt li dejjem tgħid li għandha għal qalbha lil kulħadd, permezz ta’ stqarrija waħda insultat mhux biss l-intelliġenza tal-istudenti imma wkoll il-professjonisti li jwasslu t-taħriġ, studenti prospettivi u wkoll lill- ġenituri taż-żgħażagħ li qed jiġu mħarrġa.
Huwa inaċċettabbli li l-Oppożizzjoni titfa’ t-tajn u taħbi idha, iżda huwa ferm aktar gravi meta dan isir bi ħsieb, eżattament fiż-żmien li matulu ħafna studenti jkunu qed jaħsbu fl-għażla ta’ taħriġ biex ikunu jistgħu jibdew it-triq għall-karriera tal-għażla tagħhom.
B’dan l-aġir, l-Oppożizzjoni kompliet turi d-differenza bejn Gvern b’viżjoni u Oppożizzjoni opportunista. Il-fatti juru li matul dawn l-aħħar 24 siegħa, filwaqt li l-Gvern ħabbar li saħħaħ il-possibilitajiet edukattivi għal dawk li jixtieq jaħdmu fis-settur tas-saħħa, l-Oppożizzjoni toħroġ stqarrija bbażata fuq email żbaljata fil-fatt.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017