IKOMPLI JINFIREX IS-SERVIZZ TA' CUSTOMER CARE TAS-SIGURTÀ SOĊJALI FIL-KUNSILLI LOKALI
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja jħabbar li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-aħħar jiem beda jagħti servizz ta’ customer care mill-Kunsilli Lokali tal-Għargħur, Pembroke u l-Għarb f’Għawdex.
Dan is-servizz kompla jkabbar il-firxa ta’ servizzi li d-Dipartiment diġà qed joffri fil-lokalitajiet minn numru ta’ Kunsilli Lokali fosthom tal-Gudja, Ħ’Attard u l-Mellieħa f’Malta, u x-Xagħra f’ Għawdex.
Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, residenti ta’ dawn il-Kunsilli Lokali u rħula fil-madwar jistgħu jinqdew f’dawn il-Kunsill Lokali biex:
japplikaw għal kwalunkwe benefiċċju tas-sigurtà soċjali;
jirraportaw kwalunke tibdil ta’ ċirkostanzi;
japplikaw għal jew iġeddu l-karta r-roża;
jissottomettu ċertifikati tal-mard
u jagħmlu kwalunke talba għall-informazzjoni dwar kwalunkwe materja ta’ sigurtà soċjali.
Dan is-servizz qed jingħata kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Kunsill Lokali | Jum | Ħin |
Gudja | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.00am – 12.00pm |
Attard | Kull nhar ta’ Tlieta | 8.00am – 12.00pm |
Mellieħa | Kull nhar ta’ Ġimgħa | 8.00am – 12.00pm u mis-1.00pm – 4.00pm |
Għargħur | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.30am – 12.30pm |
Pembroke | Kull nhar ta’ Ħamis | 8.00am – 12.00pm |
Xagħra, Għawdex | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.00am – 12.00pm |
Għarb, Għawdex | Kull nhar ta’ Tlieta | 8.00am – 12.00pm |
Tajjeb li jingħad li mill-Ħamis 21 ta’ Ġunju 2012 u kull nhar ta’ Ħamis, is-servizz se jibda jingħata wkoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bejn it-8.00am u 12.00pm.
Id-Dipartiment ifakkar ukoll li għandu 24 Uffiċċju Distrettwali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jiftħu kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Dawn jinsabu f’ Ħal Balzan, il-Birgu, Birkirkara, il-Fgura, il-Ħamrun, Ħal Luqa, il-Marsa, il-Mosta, l-Imsida, in-Naxxar, Raħal il-Ġdid, il-Qawra, Ħal Qormi, ir-Rabat Malta, San Ġwann, is-Siġġiewi, Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun u ż-Żurrieq f’Malta, u kif ukoll f’Victoria u n-Nadur f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017