IL-FOND GĦALL-KAWŻI ĠUSTI JGĦIN L-ORGANIZZAZZJONI TA’ TOURNAMENT TA’ KWALIFIKAZZJONI GĦAĊ-CHAMPIONS LEAGUE TAN-NISA F’MALTA
Il-UEFA għadha kif ikkonfermat llum li pajjiżna, permezz tal-klabb ta’ Birkirkara FC se jkun qed jospita l-logħob tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League tan-Nisa għall-ewwel darba f’Awwissu ta’ din is-sena. Dan il-grupp se jinkludi erba’ timijiet, tliet teams minn barra minn Malta flimkien ma’ Birkirkara, li rebħu l-Kampjonat tan-Nisa fl-istaġun li għadu kif intemm. Il-poloz għal dan il-grupp se jsiru fl-Isvizzera fil-ġranet li ġejjin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw aktar dettalji dwar dan l-avveniment, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-kandidatura ta’ Malta biex torganizza dan it-tournament giet aċċettata. Huwa qal li l-futbol tan-nisa fuq livell internazzjonali qed iżid fl-interess u l-prestiġju, u li għaldaqstant Malta se tkun fuq il-mappa sportiva Ewropea għal sitt’ijiem matul is-Sajf li ġej. Dan għandu jgħin ukoll biex tingħata spinta għal-logħba tal-futbol fost it-tfajliet f’pajjiżna. Il-parteċipazzjoni ta’ tliet teams barranin se jfisser ukoll aktar turiżmu sportiv f’pajjiżna.
Il-Gvern se jkun qed jgħin fl-organizzazzjoni ta’ dan it-tournament permezz tal-Fond tal-Lotteriji Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti, b’allokazzjoni ta’ 45,000 ewro. Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif l-għajnuna mill-Fond qed tingħata mhux biss biex jiġi organizzat dan it-tournament iżda wkoll biex ninkoraggixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku għal dan l-avveniment. Filfatt, id-dħul għal dawn il-logħbiet se jkun b’xejn.
“Dan jixhed l-impenn għal sport differenti tal-Fond, li mis-sena l-oħra ‘l hawn qassam 350,000 ewro lejn dixxiplini differenti fosthom football, rugby, ċikliżmu u għawm fost l-oħrajn” temm jgħid Tonio Fenech.
Min-naħa tiegħu l-President ta’ Birkirkara FC is-Sur Joe Zammit rringrazzja lill-Ministru Fenech għall-appoġġ li sab fil-kandidatura ta’ Malta u Birkirkara FC, li wasslet biex llum ġie kkonfermat uffiċjalment mill-UEFA li dan it-tournament se jsir f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017