STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
Nhar it-Tlieta, 12 ta’ Ġunju 2012, saret laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd Ewropej li ntemmet kmieni dalgħodu fil-Lussemburgu. Waqt il-laqgħa ġew diskussi l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riforma għall-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea. Malta baqgħet issostni li kull pożizzjoni li tieħu l-Unjoni Ewropea dwar l-immaniġġjar ta’ stokks tal-ħut għandha torbot ukoll lil pajjiżi terzi u għandu jkun evitat li jittieħdu miżuri unilaterali li jkollhom effett limitat fuq il-ħsara li ssir lis-sostenibbilità tal-ispeċi tal-ħut.
Malta saħqet li jekk pajjiżi terzi mhux se jkunu qed jaqblu ma’ tali proposti, is-sajjieda Maltin u Ewropej jispiċċaw isofru doppjament peress li ma jkunx hemm level playing field.
Malta tenniet li dan il-mudell qed jitħaddem tajjeb fl-immaniġġjar ta’ speċi bħalma huma t-tonn u l-pixxispad fejn kull deċiżjoni dwar l-immaniġġjar ta’ dawn l-istokks jittieħdu fuq livell ta’ forum internazzjonali bħalma hu l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) u mhux b’deċiżjonijiet unilaterali li jorbtu biss lil pajjiżi Ewropej. Malta qalet li s-sajjied Malti, u Ewropew, joperaw fl-istess baħar mas-sajjieda ta’ pajjiżi terzi u għalhekk ma jagħmel ebda sens li jkun hemm sett ta’ regoli li jorbtu biss lil grupp ta’ sajjieda. Malta enfasizzat li nuqqas ta’ azzjoni dwar din il-problema xxejjen l-ambizzjonijiet tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd.
Tul id-diskussjonijiet, numru ta’ pajjiżi mill-Mediterran, il-Baħar l-Iswed, u l-Baħar Baltiku esprimew l-appoġġ tagħhom għall-proposta ta’ Malta.
Intant, il-pożizzjoni finali tal-Kunsill tal-Ministri tipprovdi li:
Fejn stokkijiet ta’ interess komuni huma maqsuma ma’ pajjiżi terzi, r-rati ta’ qbid ta’ ħut biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni, għandhom ikunu l-bażi ta’ konsultazzjoni ma’ pajjiżi terzi u fejn hu possibli jkun hemm qbil konġunt dwarhom;
L-Unjoni għandha tikkopera ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-miżuri adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet ikunu strettament osservati.
Għalkemm dan il-kompromees hu wieħed pożittiv, xorta ma kienx jilħaq l-ambizzjoni ta’ pajjiżna għax ma joffrix garanzija totali. Malta għalhekk żammet mal-pożizzjoni tagħha sabiex tiddefendi l-interessi tas-sajjieda Maltin u tas-sostenibbilità tal-ispeċi tal-ħut.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017