Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, WAQT IL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC BIT-TEMA “GĦAWDEX: GŻIRA-REĠJUN FL-UNJONI EWROPEA” – L-IMĠARR, GĦAWDEX – IT-TLIETA, 12 TA’ ĠUNJU 2012

pr1323
Date Icon 12/06/2012

Onor. Prim Ministru,

Kollegi,

Sinjuri,

F’dan l-istadju ta’ din il-konferenza wieħed bla ma jrid jistaqsi: ‘Is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea kienet taqbel għal Għawdex jew le?’

Aħna li qegħdin hawn, it-tweġiba nistgħu noħorġuha minn dak li ntqal u ġie ppreżentat sa issa. Dak li smajna u rajna fil-preżentazzjoni ser ikompli jiġi msaħħaħ ukoll bl-esperjenzi ta’ dawk li ser jitkellmu aktar il-quddiem.

Għal dawk li qegħdin hemm barra, it-tweġiba jistgħu jiksbuha jekk iħarsu madwarhom u jaraw proġetti li twettqu jew qegħdin jitwettqu, li permezz tagħhom qed jingħataw u ser ikomplu jingħataw diversi servizzi ġodda.

Forsi wieħed mingħajr ma jrid jikkwantifika l-benefiċċji ta’ sħubija billi jikkalkula l-għajnuna finanzjarja li tkun inkisbet mid-diversi programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Fondi li permezz tagħhom twettqu u qed jitwettqu d-diversi proġetti u inizjattivi oħra.

Iżda s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha benefiċċji oħra li ma jistgħux jiġu kwantifikati f’Ewro iżda xorta jiswew mitqlu deheb għal min igawdi minnhom.

U għalhekk, wara tmien snin ta’ sħubija, ninsabu f’pożizzjoni li nikkwantifikaw dawn il-benefiċċji, kemm mill-aspett finanzjarju kif ukoll minn aspetti soċjo-ekonomiċi oħra li jolqtu mill-qrib lil komunità Għawdxija.

Illum, tmien snin wara, l-għaqal tad-deċiżjoni tas-sħubija ġie rikonoxxut saħansitra minn ħafna minn dawk li kienu xettiċi dwar din id-deċiżjoni.

Illum, tmien snin wara, Għawdex, l-Għawdxin u kull min iżur Għawdex qed igawdi minn servizzi u faċilitajiet li żgur ma kienx ikun possibbli li nwettquhom kollha fi żmien daqshekk qasir.

Toroq

Ibda mit-toroq, fejn għandna aktar minn ħdax-il kilometru ta’ toroq ġodda li ġew ko-finanzjati minn programmi ta’ fondi Ewropej. Toroq li  jaqsmu minn tarf sa ieħor tal-gżira. Bdejna bit-triq bejn ir-Rabat u San Lawrenz, komplejna b’dawk tax-Xlendi u Ta’ Pinu, u issa għaddejjin b’fażi oħra tat-triq bejn l-Imġarr u r-Rabat. Proġetti li tejbu u qed itejbu mhux ftit l-infrastruttura tat-toroq fuq din il-gżira u minbarra li joffru aktar sigurtà u dehra isbaħ, qed jikkontribwixxu wkoll fit-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi. Toroq li qed isaħħu l-aċċessibiltà fuq il-gżira u jikkumplimentaw it-tisħiħ li sar u ser ikompli jsir fir-rigward tal-aċċess bil-baħar. 

Pre-adeżjoni

Iżda wieħed irid ukoll ifakkar li Għawdex beda jgawdi mis-sħubija tal-Unjoni Ewropea saħansitra qabel ma ġie ffirmat it-trattat ta’ sħubija.   Dan permezz tal-bini tal-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ ġewwa Ras il-Ħobż. Sinjuri, minbarra li dan il-proġett sewa investiment ta’ aktar minn €7 miljun, kien jinħtieġ xogħol u investiment ulterjuri biex is-sistema tad-drenaġġ setgħet tiġi ridirezzjonata għal dan l-impjant. Dan wassal biex illum ingħalqu l-outfalls tad-drenaġġ li kien hemm f’San Blas u f’Wied il-Mielaħ u hekk erġajna raddejna lura dawn iż-żewġ siti ta’ sbuħija naturali għat-tgawdija ta’ kull min jagħżel li jżurhom.

Irridu nsemmu li dan il-proġett estensiv ħaseb ukoll biex tiġi ppreparata sistema li permezz tagħha l-ilma msoffi fl-impjant ikun jista’ jitqassam lill-bdiewa u intrapriżi oħra f’diversi lokalitajiet f’Għawdex. B’hekk issa ser inkunu nistgħu nestendu dan il-proġett f’fażi oħra li ser tkompli timmassimmizza l-potenzjal kollu tal-investiment li sar u ser ikun qed ikompli jsir.

Smajna kif dan il-proġett wassal ukoll biex il-Kunsill Lokali tal-Għarb seta’ jwettaq proġett ta’ tisbiħ estensiv fiż-żona ta’ Wied il-Mielaħ li ser tkun qed iżżid mal-attrazzjonijiet ta’ sbuħija naturali tal-gżira ta’ Għawdex. B’hekk mhux ser igawdu biss il-komunitajiet li jgħixu qrib dawn l-inħawi iżda ser igawdi minnhom il-poplu Għawdxi kollu.

Reġjonalità

It-tema ta’ din il-konferenza tiffoka fuq l-element reġjonali ta’ din il-gżira li ġġorr il-karatteristiċi li huma normalment assoċjati ma’ gżejjer, bħal ma huma fost l-oħrajn il-periferalità, l-aċċessibiltà, ekonomija żgħira li ħafna drabi twassal għal nuqqas ta’ investiment barrani, id-dipendenza fuq numru żgħir ta’ setturi ekonomiċi li allura jwasslu għal riskji akbar kif ukoll il-fraġilità tal-ambjent. Dawn il-karatteristiċi, li jistgħu wkoll jiġu interpretati bħala sfidi, għandhom effett aktar qawwi fuq gżejjer li jiddependu minn gżira oħra bħal ma hu l-każ ta’ Għawdex.

Din l-insularità doppja tal-gżira ta’ Għawdex tiddistingwi u għandha effett fuq l-element reġjonali. Jekk nikkunsidraw is-sistema politika lokali preżenti, ir-reġjun ta’ Għawdex għandu partikolaritajiet differenti mir-reġjuni l-oħra f’Malta u meta wieħed jikkunsidrahom jasal għal konklużjoni li ħafna minnhom huma kkawżati minn din l-insularità doppja. U hawn nixtieq nirrimarka, li minkejja li ħafna drabi din is-sitwazzjoni ġeografika tiġi mpinġija b’mod negattiv, naħseb ilkoll naqblu li din għandha wkoll il-benefiċċji tagħha.

Il-fatt li Għawdex jattira mijiet jekk mhux eluf ta’ Maltin li jaqsmu l-fliegu regolarment biex igawdu mis-sbuħija naturali u l-inħawi karatteristiċi li wieħed għadu jsib f’din il-gżira, huwa xhieda ewlenija ta’ dan. Wieħed jista’ forsi jikkunsidra li dan kien wieħed mill-fatturi ewlenin li kellhom effett qawwi fuq il-konservazzjoni ta’ drawwiet, karatteristiċi u l-ambjent rurali ta’ Għawdex.

Bħala Ministeru għal Għawdex ħdimna u qed inkomplu naħdmu biex nagħtu importanza lil dawn il-fatturi b’mod ħolistiku. Filwaqt li nirrikonoxxu l-importanza li għandha tingħata fir-rigward tal-konservazzjoni tal-karatteristiċi u tradizzjonijiet ewlenin li jagħtu identità reġjonali lil Għawdex, qed inkomplu nindirizzaw ukoll l-isfidi partikolari  li għandu Għawdex fid-diversi oqsma soċjo-ekonomiċi.

Fil-fatt nistgħu ngħidu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġiet imsarrfa bħala għodda addizzjonali fil-ħidma tagħna biex jintlaħqu dawn l-objettivi. U dan mhux biss permezz tal-element finanzjarju iżda anke minn aspetti interkulturali u aspetti soċjali u edukattivi oħra li komplew jesponu l-identità u r-reġjonalità ta’ Għawdex.

Hawnhekk nixtieq infaħħar il-parteċipazzjoni u l-inizjattivi meħuda mil-lokalitajiet, għaqdiet u assoċjazzjonijiet, intrapriżi u individwi li għarfu japprofittaw mill-opportunitajiet li nfetħu permezz tas-sħubija. Flimkien magħhom u entitajiet oħra governattivi bħal MEUSAC, PPCD, l-MTA, il-Malta Enterprise, l-ETC u l-MRRA  ħdimna  u qed inkomplu naħdmu biex inkomplu nsarrfu din is-sħubija f’aktar ġid għal Għawdex.

Huwa ta’ sodisfazzjon għalina meta naraw tfal, żgħażagħ, anzjani, investituri, ħaddiema u familji jipparteċipaw f’diversi programmi u skemi li joffru opportunitajiet ta’ tagħlim, skambji interkulturali, żieda fl-għarfien partikolarment dawk marbuta ma’ promozzjoni ta’ prattiċi ambjentali tajbin kif ukoll għajnuna fl-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinovabbli.

Huwa ta’ sodisfazzjon naraw il-benefiċċji li gawdew il-bdiewa tagħna minn diversi skemi u korsijiet biex tejbu l-faċilitajiet fl-irziezet u l-għelieqi tagħhom u tgħallmu kif jużaw aħjar il-pestiċidi.

Huwa ta’ sodisfazzjon għalina meta naraw lill-operaturi fis-settur turistiku jtejbu l-faċilitajiet fl-istabilimenti tagħhom. Fuq kollox, huwa ta’ sodisfazzjon li naraw li dawn l-operaturi għandhom ukoll x’jikkontribwixxu meta jipparteċipaw fi proġetti flimkien ma’ operaturi turistiċi oħrajn f’reġjuni oħra Ewropej.

Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li naraw intraprendituri Għawdxin jinteressaw ruħhom u japplikaw fi skemi li minbarra li jagħtuhom għajnuna biex itejbu l-intrapriżi tagħhom qed jinċentivawhom ukoll biex joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol.

Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw nies adulti li qed jaspiraw li jtejbu l-kompetenzi tagħhom kemm permezz ta’ korsijiet tal-ETC kif ukoll permezz ta’ korsijiet f’livell terzjarju.   

Huwa ta’ sodisfazzjon li l-ħidma tagħna qed issarraf is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewrpea, f’ġid li jinħass f’kull qasam soċjo-ekonomiku f’Għawdex.

Impenn politiku

Din il-ħidma hija msaħħa wkoll bil-politika tal-Gvern dwar Għawdex, li hi riflessa fid-deċiżjoni li mill-inqas għaxra fil-mija tal-fondi allokati mill-Unjoni Ewropea għal Malta jiġu investiti fi proġetti f’Għawdex.

Deċiżjoni li turi l-impenn u l-atteġġjament responsabbli tal-Gvern fir-rigward tar-reġjonalità ta’ Għawdex.

Impenn u atteġġjament responsabbli li issa ġie msaħħaħ bit-talba tal-Gvern dwar il-gżira reġjun ta’ Għawdex skont Dikjarazzjoni 36 mehmuża mat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Malta, f’ittra li ntbagħtet fil-21 ta’ Mejju li għadda lill-Kummissjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex f’ħidma li tindirizza l-isfidi speċifiċi ta’ Għawdex, filwaqt li tippromwovi politika reġjonali li tfittex li żżid il-kompetittività u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq il-gżira. B’hekk ikun jista’ jibqa’ jiġi mnaqqas ukoll id-distakk tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku fir-rigward tal-gżira l-kbira. Għanijiet li huma wkoll mħaddna fil-politika tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ reġjuni żgħar, speċjalment dawk li jinsabu fil-periferiji.

Dan l-impenn politiku wassal biex sal-lum ġew allokati aktar minn €71 miljun biex f’Għawdex jitwettqu proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej.

Proġetti Oħra

Nistgħu nkomplu nsemmu wħud minn dawn il-proġetti li saru jew bdew jitwettqu f’Għawdex permezz taż-żewġ programmi ta’ fondi Ewropej għall-Malta bejn l-2004 u l-2013.

Fosthom insibu wieħed mill-ewwel proġetti li kien:

dak imsejjaħ Niche Tourism for the island of Gozo li indirizza bis-serjetà l-qasam tad-diving li llum jirriżulta bħala settur turistiku importanti fejn Għawdex kiseb popolarità għas-siti u s-servizzi li joffri. Dan il-proġett kien jinkludi studju dwar dan is-settur, l-għarqa ta’ żewġ vapuri li permezz tagħhom inħolqu żewġ siti artifiċjali, ir-reklamar ta’ Għawdex f’publikazzjonijiet speċjalizzati f’dan il-qasam kif ukoll it-twaqqif ta’ Hyperbaric Unit ġewwa l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex li kien ikopri wkoll ix-xiri ta’ recompression chamber. Minbarra li ntlaħaq wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ dan il-proġett, id-decompression chamber wasslet ukoll biex seta’ jibda jingħata l-Hyperbaric Oxygen Teatment lill-pazjenti Għawdxin fl-isptar f’Għawdex stess;

Proġett ieħor b’risq is-settur turistiku kien il-bini ta’ Istitut għall-Istudji Turistiċi ġdid li issa qed joffri faċilitajiet ta’ taħriġ mill-aqwa għall-istudenti żgħażagħ kif ukoll ħaddiema li diġà jaħdmu fis-settur;

Ix-xiri u l-installazzjoni ta’ vetrini speċjalizzati li permezz tagħhom bdew jiġu esposti b’mod permanenti fdalijiet minn żmien il-preistorja. Dawn il-fdalijiet li nstabu f’Għawdex qabel kienu miżmuma f’mużewijiet f’Malta minħabba li ma kienx hawn faċilitajiet adattati biex dawn il-fdalijiet setgħu jinżammu f’ambjenti li jkomplu jikkonservawhom bl-aħjar mod possibbli;

Bnejna estensjoni ma’ dik li kienet magħrufa bħala l-iskola tal-Arti u llum ġiet żviluppata fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. Ċentru li qed jippromwovi edukazzjoni għal matul il-ħajja u filwaqt li jżomm ħajjin  snajja’ tradizzjonali u xogħlijiet artiġjanali joffri wkoll għarfien u tagħlim alternattiv li jkompli jżid il-kompetenzi tal-parteċipanti;

Iċ-ċentri tal-MCAST f’Għawdex ġew imsaħħa bi proġetti li raw tisħiħ fl-apparat elettroniku fi tliet computer labs  filwaqt li nbnew żewġ workshops wieħed għat-tagħlim tal-electrical installation u l-ieħor għall-Welding and Fabrication. Dawn il-proġetti kienu jinkludu x-xiri ta’ apparat ġdid filwaqt li ġie ristrutturat garage li ġie kkonvertit f’Mechanical Machining Workshop. Dan ifisser li żdiedu l-faċilitajiet biex studenti Għawdxin ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom f’dawn il-materji f’Għawdex stess.

L-opportunitajiet ta’ tagħlim żdiedu wkoll permezz ta’ diversi korsijiet li kienu mmirati biex itejbu l-kompetenzi u b’hekk iżidu l-opportunità għall-impjieg ta’ bosta parteċipanti f’livelli u setturi differenti. Ibda minn korsijiet ta’ litteriżmu u somom għal dawk li kellhom livell baxx ta’ edukazzjoni għal oħrajn tekniċi u fi snajja’ artiġjanali.

Għandna wkoll 21 parteċipant li wara li kisbu d-diploma qed ikomplu bl-istudji tagħhom li ser iwassluhom biex jiksbu Baċċellerat fil-Kummerċ bit-temi ewlenin iffukati fuq it-turiżmu, it-teknoloġija tal-informatika u l-qasam finanzjarju.

Qed jiġi koordinat kors ieħor biex itejjeb il-ħiliet ta’ dawk li diġà huma impjegati fis-settur turistiku. Dan anke fir-rigward tal-impenn tagħna biex inkomplu nsaħħu s-servizzi f’dan is-settur ta’ importanza ekonomika għal Għawdex;

Nistgħu ngħidu li qatt daqs dawn l-aħħar snin ma kien għaddej daqstant xogħol fir-rigward tal-konservazzjoni u ħarsien tas-siti storiċi ewlenin fuq din il-gżira.

Il-Masterplan taċ-Ċittadella li twettaq permezz ta’ ko-finanzjament mill-Mekkaniżmu Finanzjarju Ewropew ta’ Liectenstein u Norway ħejja l-bażi li minnu issa se nkomplu ninvestu madwar €15-il miljun fi proġetti li permezz tagħhom se jiġu implimentati wħud mis-suġġerimenti f’dan il-masterplan;

Sadanittant għaddej ukoll ix-xogħol ta’ restawr fuq is-swar li jagħmel parti minn proġett fuq skala nazzjonali u ser inkunu qed inwettqu wkoll proġett li permezz tiegħu ser jitwaqqaf Visitors’ Centre fil-Ġgantija;

Dawn kollha huma proġetti li filwaqt li jħarsu l-wirt storiku jsaħħu wkoll il-prodott turistiku ta’ Għawdex filwaqt li  jissalvagwardja l-patrimonju storiku ewlieni ta’ din il-gżira, li għalkemm żgħira hija kbira fl-istorja.

Flimkien mal-edukazzjoni, ix-xogħol u t-turiżmu l-fondi Ewropej swew ukoll biex jibqa’ jiġi msaħħaħ il-qasam tas-saħħa f’Għawdex.

Proġett ewlieni huwa dak marbut mat-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u r-ristrutturar tas-sala tal-operazzjonijiet. Dan il-proġett ambizzjuż kien jinħtieġ koordinazzjoni u kollaborazzjoni minn dawk kollha nvoluti inkluż l-ispeċjalisti u l-istaff mediku u paramediku fl-isptar minħabba li ried isir waqt li x-xogħol normali tal-isptar ma setax jieqaf. Hu ta’ sodisfazzjon li fit-twaqqif tad-dipartiment ġdid tar-Radjoloġija ma ntilfet l-ebda siegħa waħda u t-tranżizzjoni tas-servizz mis-sistema l-qadima għal dik diġitali ġiet effetwata mingħajr waqfien fis-servizz.

Dan il-proġett kien jinvolvi fost ħwejjeġ oħra xogħol strutturali intensiv flimkien max-xiri u l-installazzjoni ta’ apparat ġdid mill-aktar modern kif qiegħed isir ukoll fit-tieni fażi ta’ dan il-proġett li permezz tagħha t-taqsima tal-operazzjonijiet fl-istess sptar ser tiġi upgraded b’mod estensiv.

B’sodisfazzjon għadna kif inawgurajna x-xogħol ta’ ristrutturar sostanzjali fi ġnien Villa Rundle. Ġnien storiku, li huwa wkoll meqjus bħala attrazzjoni turistika ewlenija fil-qalba tal-belt Victoria, li llum reġa’ beda qed jilqa’ fih għadd ta’ Għawdxin u turisti Maltin u barranin filwaqt li ser ikun qed iżid ukoll il-faċilitajiet biex jiġu mtellgħa attivitajiet kulturali fil-beraħ.

Proġett ta’ madwar €5 miljun oħra mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa dak li għaddej bħalissa fl-inħawi taż-Żewwieqa. Proġett ieħor li ser ikun qed isebbaħ din iż-żona li tilqa’ lil kull min jasal Għawdex filwaqt li ser ikun qed jikkontribwixxi wkoll għal aktar titjib soċjali u ekonomiku fil-gżira ta’ Għawdex.

Dan kollu sinjuri sar f’perjodu ta’ ftit snin. U żgur li ma sarx waħdu iżda sar għax kien hemm pjan, u kien hemm rieda li Għawdex jingħata dak li ħaqqu bħala reġjun li hu wkoll parti minn stat Ewropew.

Iżda dan kollu ma setax isir kieku ma kienx għall-impenn u l-kontribut ta’ dawk kollha li taw u għadhom qed jagħtu sehemhom kemm fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u Ministeri oħra, kif ukoll f’entitajiet tal-Gvern li joffru l-għajnuna u r-riżorsi meħtieġa.

Dan kollu ma kienx isir kieku ma kienx għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ għaqdiet, entitajiet, Kunsilli Lokali, intrapriżi żgħar u medji, li ħadu l-inizjattiva u għarfu jisfruttaw l-opportunitajiet li nfetħu.

Dan kien ta’ benefiċċju l-ewwel u qabel xejn għalihom u l-entitajiet rispettivi tagħhom iżda kien ukoll ta’ benefiċċju għal Għawdex bħala reġjun.

Minkejja l-kritika li ħafna drabi mhux dejjem tkun ġusta, illum Għawdex qiegħed isarraf ir-riżultati miksuba f’anqas minn għaxar snin ta’ sħubija.

Aktar Ħidma

U hekk ser inkomplu nagħmlu permezz ta’ għadd ta’ proġetti oħra li ser ikomplu jibnu fuq dak li twettaq sa issa, filwaqt li ser inkomplu jindirizzaw ukoll l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli għal Għawdex.

Wara li saru l-istudji meħtieġa ġie propost proġett li bi pjaċir inħabbru li kiseb l-approvazzjoni għal finanzjament ta’ madwar €5 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett l-iskejjel u bini ieħor tal-gvern ser ikunu pprovduti b’sistemi ta’ enerġija rinovabbli. B’hekk filwaqt li jkunu jistgħu jiġġeneraw l-enerġija għall-użu tagħhom ser ikunu jistgħu wkoll jikkontribwixxu fl-isforz għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tniġġiż tal-arja.

L-istess skopijiet ser jintlaħqu fi proġett ieħor li ġie approvat għal ko-finanzjament minn fondi Ewropej li permezz tiegħu ser tiġi ġġenerata l-enerġija fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-istess waqt jonqos il-carbon footprint iġġenerat mis-sistema li qed tintuża bħalissa.

Sinjuri, dawn li semmejt huma biss dawk il-proġetti li kienu koordinati mill-Ministeru għal Għawdex u l-entitajiet li kkollaboraw magħna. Iżda aħna lkoll nafu li Għawdex ibbenefika minn eluf ta’ Ewro oħra permezz ta’ inizjattivi meħuda mil-lokalitajiet tagħna kif ukoll minn skemi tal-Gvern li indirizzaw oqsma differenti.

Smajna u ser nisimgħu kif entitajiet reliġjużi u oħrajn soċjali, filantropiċi u kulturali għarfu wkoll jipproponu proġetti li permezz tagħhom Għawdex ibbenefika u ser ikompli jibbenefika minn fondi Ewropej.

Dan ukoll huwa mertu taż-żieda fl-għarfien li jinxtered minn awtoritajiet kompetenti bħal ma hi l-MEUSAC. Iżda huwa xhieda wkoll tal-mod proattiv li bih il-poplu Għawdxi għaraf imexxi l-opportunitajiet li nfetħu fuq bażi nazzjonali u dawwarhom f’benefiċċji li rriżultaw f’titjib reġjonali.

Konklużjoni

Sinjuri, illum, tmien snin wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea nistgħu ngħidu li Għawdex huwa attrezzat aħjar biex ikompli jipprovdi s-servizzi u l-faċilitajiet neċessarji għal żvilupp sostenibbli li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar kemm għal dawk li jgħixu f’Għawdex kif ukoll għal oħrajn li jagħżlu lil Għawdex għal btajjel tagħhom.

Minkejja dak li sar, għad fadal ħafna xi jsir.

Dak li sar jagħtina sodisfazzjon għaliex minnu gawdew tfal, żgħażagħ, ħaddiema, self-employed, anzjani u familji Għawdxin.

Dak li sar jimliena b’sodisfazzjon, għax ma sarx biss għal ġenerazzjonijiet tal-preżent iżda ħafna minnu ser ikompli jitgawda minn ġenerazzjonijiet oħra fil-futur.

Dak li sar jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu nippjanaw u nwettqu proġetti li huma verament ta’ fejda għal Għawdex bħala reġjun.

Dan ifisser li huwa ta’ fejda għal poplu Għawdxi kollu; kemm dak tal-lum kif ukoll dak ta’ għada.

Għalhekk qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lil kull min b’xi mod kien parteċipi f’din il-mixja li matul dawn l-aħħar tmien snin wasslet għal aktar titjib u aktar opportunitajiet għal Għawdex.

Dan kollu jawgura tajjeb għax-xhur u s-snin li ġejjin.

Grazzi

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow