DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, DJALOGU U L-FAMILJA, WAQT IL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC BIT-TEMA “GĦAWDEX: GŻIRA-REĠJUN FL-UNJONI EWROPEA” – L-IMĠARR, GĦAWDEX – IT-TLIETA, 12 TA’ ĠUNJU 2012
Onorevoli Prim Ministru,
Ministru għal Għawdex,
Dr. Xuereb,
Sinjuri distinti,
Ħbieb,
Huwa opportun li l-MEUSAC tlaqqagħna hawn illum biex niddiskutu t-tmien sena – mhux biss ta’ Malta, iżda b’mod partikolari ta’ Għawdex – fl-Unjoni Ewropea.
Meta, fil-bidu ta’ din il-leġislatura, il-Prim Ministru afdali l-kompitu tal-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, it-twaqqif tal-MEUSAC kienet waħda mill-ewwel inizjattivi li ħadt. Illum, erba’ snin wara, naraw ħidma li ħalliet ħafna frott u li tagħha għandna lkoll inkunu grati u rikonoxxenti.
Is-sehem tal-MEUSAC fit-tixrid tal-informazzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea, fl-għajnuna biex jinkisbu aktar fondi Ewropej u fil-konsultazzjoni ġenerali kien u jibqa’ fundamentali għas-suċċess ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Nifraħ lil Dr. Vanni Xuereb, kap tal-MEUSAC, u lill-istaff kollu tiegħu għall-ħidma kbira tagħhom.
Minn dejjem emmint li l-aktar bidla li sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet se tfisser għal Malta kellha tkun dik kulturali. Bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea l-konfini taċ-ċittadini tagħna twessgħu; infetħu l-bibien tal-Ewropa għaż-żgħażagħ u l-istudenti tagħna u s-sidien tan-negozji sabu ruħhom jikkompetu f’suq ġgantesk, mimli sfidi u opportunitajiet.
Bħala poplu li jgħix fuq gżira ċkejkna, l-Għawdxin dejjem ħarsu lil hinn minn xtuthom. Id-diaspora Għawdxija madwar id-dinja, l-iżjed fl-Istati Uniti u fl-Awstralja, hija xhieda ta’ dan. L-Għawdxi huwa imprenditorjali, iħares ’il quddiem u ma jibżax mill-isfidi. Anke s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea ħadha bħala sfida u llum, tminn snin wara, inħarsu lura u naraw li l-Għawdxin – kemm is-self employed, l-SMEs, l-NGOs kif ukoll il-Kunsilli Lokali, kienu fost ta’ quddiem nett li bbenefikaw mis-sħubija.
Meta pajjiżna għamel il-pass naturali tiegħu u ngħaqad fl-Unjoni Ewropea tminn snin ilu, ħadd ma immaġina l-kriżi ekonomika li kien hemm tistenna lill-Ewropa u lill-bqija tad-dinja. Is-swieq ekonomiċi ġew imriegħda, xogħlijiet ġew mhedda u pajjiżi sħaħ ġew imbuttati lejn ix-xifer ta’ kollass. Bħala ekonomija esposta bil-kbir għal influwenzi barranin, pajjiżna wkoll ħass l-effett tal-kriżi. Iżda grazzi għall-isforzi tal-Gvern, għal inizjattivi meħuda f’waqthom, għal sistema bankarja b’saħħitha u għall-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż membru, mhux biss tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll tal-grupp euro, pajjiżna żamm sod. Salvajna eluf ta’ impjiegi.
Iżda mhux biss. Ħloqna oħrajn – 20,000 fl-aħħar erba’ snin. Anki Għawdex gawda minn dan il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol. L-Għawdxin li jaħdmu bi qligħ żdiedu b’5 fil-mija. Min iħaddem f’Għawdex talab lill-ETC biex tibagħtlu ħaddiema minħabba ż-żieda fix-xogħol. Il-vacancies żdiedu kull sena. F’erba’ snin l-ETC kellha 2,300 vacancy f’Għawdex.
Tminn snin ta’ Għawdex fl-Unjoni Ewropea fissru wkoll tminn snin ta’ ħidma, b’riżq Għawdex, anke mir-rappreżentanti tagħna fl-Unjoni Ewropea. Illum pajjiżna qiegħed fil-milja tal-Ewropa, b’vuċi fil-Kunsill tal-Ministri, fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, b’sitt membri fil-Parlament Ewropew, b’Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea u b’rappreżentanza xierqa fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u fil-Kumitat tar-Reġjuni. Pajjiżna kiber fl-istatura, kompla jakkwista r-rispett ta’ sħabna pajjiżni Ewropej u jikber fir-rilevanza f’għajnejn sħabna l-pajjiżi ġirien tan-naħa ta’ fuq tal-Afrika.
Qatt daqs waqt il-kriżi fil-Libja ma pajjiżna kellu l-opportunità jwettaq fil-prattika - fl-istorja riċenti - il-missjoni li fdalu d-destin, dik li jkun pont li jgħaqqad l-Ewropa mal-Afrika ta’ Fuq, fil-qalba tal-baħar Mediterrann.
Bħal f’kull anniversarju ieħor, qegħdin niġu mistiedna nagħtu ħarsa lura biex naraw x’wettaqna iżda wkoll ħarsa ’l quddiem biex naraw x’inhuma l-aspettattivi tal-poplu tagħna, x’inhuma l-isfidi li jmiss li neħtieġ nirbħu … x’inhi l-mira li issa jmissna nilħqu.
Fl-aħħar 8 snin komplejna b’ħidmietna biex inkomplu nagħmlu lil Għawdex gżira reġjun mudell fejn tidħol il-ġestjoni tal-ambjent. Nedejna l-viżjoni eko-għawdex, il-Gvern alloka budget ta’ 25 miljun euro għal Għawdex u rajna jinħolqu inizjattivi u skemi biex Għawdex jagħmel pass ieħor ’il quddiem. Sar biżżejjed? Le. Iżda mxejna pass ieħor ’il quddiem u komplejna nagħmlu lil Għawdex iżjed attraenti għall-investiment u post isbaħ għar-residenti tiegħu.
Qegħdin f’perjodu fejn f’Għawdex għaddej xogħol infrastrutturali qawwi, ħafna minnu b’fondi tal-Unjoni Ewropea. Qed tissaħħaħ l-infrastruttura f’Għawdex, qed jinqalgħu u jinbnew mill-ġdid kilometri sħaħ ta’ toroq u qed jiġu inawgurati proġetti – l-iżjed riċenti il-ġnien Villa Rundle fir-Rabat – li huma frott is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Ftit tas-snin ilu ftaħna f’Għawdex l-uffiċċju konġunt tal-MEUSAC u tal-MCESD f’Għawdex. Ridna li mhux biss il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex, fi ħdan l-MCESD, ikollu struttura sħiħa biex tgħinu fl-operat tiegħu, iżda wkoll li f’Għawdex ikollna s-servizzi kollha tal-MEUSAC miġbura taħt saqaf wieħed. Għaliex nemmnu li Għawdex għandu sfidi akbar, is-servizzi tal-MEUSAC f’Għawdex qed jingħataw ukoll, bla ebda ħlas, lill-SMEs u self-employed. Ir-riżultati jitkellmu weħdihom.
Ħafna imprendituri Għawdxin kabbru l-operat tagħhom grazzi għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, ħaddmu iżjed nies u qed iħarsu lejn orizzonti ġodda. 232 sid ta’ negozju żgħir u medju li joperaw f’Għawdex applikaw biex igawdu mill-iskema tal-Gvern MicroInvest. Bejniethom dawn investew aktar minn €2 miljun u qed jingħataw €1.5 miljun fi tnaqqis fl-income tax.
Illum Għawdex għandu wkoll rappreżentanza fl-MCESD. Diġa rreferejt għall-Kumitat Reġjonali għal Għawdex. Dan waqqafnien fil-bidu tal-leġislatura. Id-diskors tagħna mar-rappreżentanti Għawdxin f’dan il-kumitat kien ċar: aħdmu; uruna li għandkom x’toffru; oħorġu bl-ideat u għamlu s-sottomissjonijiet tagħkom. Nistqarr lid an għamluh. U għaldaqstant kien naturali li permezz ta’ emendi li għaddejna reċentement għal-liġi tal-MCESD, Għawdex isib ruħu b’rappreżentanza diretta fl-MCESD.
Flimkien mal-fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern ħa ħsieb iniedi skemi apposta biex iħeġġeġ f’Għawdex użu akbar tal-enerġija nadifa, anke bħala parti mill-viżjoni eko-għawdex. Illum qed naraw jonqsu b’rati inkoraġġanti l-emissjonijiet li jniġġsu, filwaqt li qed tixxettel il-kultura ta’ enerġija nadifa, aktar riċiklaġġ u użu akbar tar-riżorsi rinnovabbli.
Ma nistgħux nitkellmu dwar l-ewwel tminn snin ta’ Għawdex fl-Unjoni Ewropea bla ma niftaħru bil-fatt li llum Għawdex jittratta d-drenaġġ kollu tiegħu, bir-riżultat li l-baħar ta’ madwar il-gżira llum huma fost l-aktar ibħra ndaf fl-Unjoni Ewropea. Dan ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħna u mod ieħor kif nattiraw lejn Għawdex iżjed turiżmu.
Inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu. Irridu li Għawdex ikompli jirriġenera ruħu. Irridu li Għawdex ikun pjattaforma fejn tista’ titwettaq l-innovazzjoni, fejn jitlaqqgħu ideat u fejn investitur jinvesti bla biża’. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li għaddejjin, bħala Gvern, bl-istudji kollha meħtieġa dwar il-possibbiltà ta’ kollegament fiss bejn iż-żewġ gżejjer. Nemmen li tali kollegament jagħmel lil Għawdex iżjed attraenti għall-investiment, jattira iżjed xogħol u joffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin u għal dawk li għamlu lil Għawdex darhom.
Nagħlaq billi, mill-ġdid, nifraħ lill-MEUSAC talli laqqagħtna lkoll hawn illum. Nifraħ lill-Għawdxin kollha li fl-aħħar tminn snin għamlu suċċess mis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u nappella lil kulħadd biex inkomplu niġbdu ħabel wieħed għall-futur ta’ din il-gżira li aħna nsejħu d-dar.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017