DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC BIT-TEMA “GĦAWDEX: GŻIRA-REĠJUN FL-UNJONI EWROPEA” – L-IMĠARR, GĦAWDEX – IT-TLIETA, 12 TA’ ĠUNJU 2012
Onorevoli Ministri,
Sur Chairman,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Meta fl-1 ta’ Mejju 2004 indirizzajt lill-poplu Malti u Għawdxi kont iddiskrevejt is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħala proġett.
Proġett li beda tmien snin ilu u li għadu għaddej.
Proġett bl-isfidi tiegħu u li diġà qiegħed jagħti riżultati konkreti fil-ħajja tagħna lkoll.
Huwa għalhekk ta’ pjaċir għalija li qiegħed hawn magħkom illum fil-gżira Għawdxija biex flimkien naraw l-iżvilupp ta’ Għawdex bħala reġjun fl-Unjoni Ewropea.
F’dan il-proġett nazzjonali tagħna, Għawdex mhux biss huwa sieħeb imma wisq aktar huwa protagonist. Il-Gvern immexxi minni dejjem emmen fil-bżonnijiet uniċi u partikulari ta’ Għawdex. Bżonnijiet li narawhom bħala opportunitajiet.
Il-proġett Ewropew hu wieħed ta’ għaqda ta’ pajjiżi li jridu jbaħħru fil-mewġ tal-globalizzazzjoni.
Tul dawn l-aħħar erba’ snin rajna u għexna l-effetti negattivi li tista’ ġġib magħha l-globalizzazzjoni. Kriżi fil-banek fl-Amerika u s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja f’pajjiżi oħra fl-Ewropa waslet biex il-fabbriki f’pajjiżna jħossu dan l-effett u għalhekk il-Gvern intervjena biex isalva l-impjiegi tal-ħaddiema.
Din hi r-realtà li rridu u qed ngħixu fiha. Quddiem din ir-realtà aħna kommessi lejn il-miri tagħna. Il-Gvern dejjem kien ċar u konsistenti fuq il-miri li għandna u li jiggwidaw il-ħidma tagħna għall-poplu Malti u Għawdxi:
• li nkabbru l-attività ekonomika;
• li noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar, b’pagi tajbin;
• li noffru l-aħjar servizzi fis-saħħa u fl-edukazzjoni b’xejn;
• li ninvestu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-ħdima tagħna hija ffukata fuq il-ħajja tagħkom, tfal u kbar, sabiex kulħadd jilħaq il-milja tiegħu.
L-investiment li qed nagħmlu hu xprunat mill-fiduċja li għandna fil-ħaddiema u fl-istudenti Għawdxin. Komplejna ninvestu fl-edukazzjoni bil-bini ta’ skola ġdida ġewwa Għawdex kif ukoll saħħaħna l-istipendji għall-istudenti Għawdxin, billi anki qed nagħtu allowance ta’ €1,200 lill-istudenti kollha Għawdxin li jistudjaw f’Malta. L-investiment fl-edukazzjoni qed jissarraf f’aktar studenti Għawdxin ikomplu bl-istudji tagħhom:
• l-istudenti fl-ITS f’Għawdex żdiedu minn 26 fl-2001 għal 82;
• l-istudenti fl-MCAST f’Għawdex żdiedu minn 44 fl-2002 għal 243 student u studenta;
• l-istudenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta żdiedu minn 5 fl-2001 għal 181;
• illum l-istudenti Għawdxin fl-Università huma 1,035 – id-doppju ta’ kemm kienu 10 snin ilu.
Wara kull numru hemm student, studenta, familja u s-sodisfazzjon tal-ġenituri.
Irridu ekonomija li toħloq ix-xogħol u l-ġid sabiex jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin f’ambjent nadif u sabiħ.
Għawdex dejjem jingħata prijorità minn dan il-Gvern. Mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea mill-ewwel iddikjarajna li mill-anqas 10% tal-fondi jiġu investiti f’Għawdex. Il-proġetti li saru jinkludu skemi ta’ taħriġ u xogħol, investiment fis-settur tad-diving, fit-toroq u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa Għawdex.
Mill-programm ta’ fondi 2007-2013 ukoll ikkommettejna 10% mill-fondi li ksibna għal pajjiżna. Sal-lum diġà kkommettejna 72% ta’ dawn il-fondi allokati għal Għawdex li jfisser investiment dirett ġewwa Għawdex ta’ aktar minn €71 miljun. Fost l-investiment li sar u qed isir f’Għawdex hemm:
• it-triq ta’ bejn l-Imġarr u r-Rabat kif ukoll it-triq tax-Xlendi;
• il-masterplan taċ-Ċittadella b’investiment ta’ aktar minn €14 miljun;
• Villa Rundle li kelli l-pjaċir ninawgura ftit tal-ġimgħat ilu u fejn qed jinġabru mijiet ta’ familji Għawdxin, Maltin u turisti;
• skemi ta’ enerġija nadifa biex aktar familji u negozji Għawdxin jinvestu f’pannelli fotovoltajiċi;
• Ix-xogħol li għaddej bħalissa fil-promenade taż-Żewwieqa;
• Faċilitajiet ġodda għall-istudenti u l-lecturers tal-MCAST f’Għawdex;
• Faċilitajiet ġodda għall-pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex;
• U tant proġetti oħra mill-Kunsilli Lokali u NGOs li huma attivi sew ġewwa Għawdex.
B’fondi tal-Unjoni Ewropea wettaqna u qed inwettqu diversi proġetti marbuta mal-viżjoni tagħna Eko Għawdex.
Waqt il-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li sejjaħt ix-xahar li għadda f’Għawdex, għamilna diskussjoni dwar l-inizjattivi li ttieħdu bħala parti mill-programm tal-Gvern Eko Għawdex fil-Pjan ta’ Azzjoni 2010 – 2012. F’dan l-ewwel pjan ta’ azzjoni kien hemm 82 miżura differenti li sa issa 61 minnhom saru jew qed jitwettqu. Taħt dawn il-61 miżura li għaddejjin, hemm 180 proġett u inizjattiva differenti. Fost dawn hemm il-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi għall-familji, aktar imsaġar, iż-żjarat li qed isiru fid-djar biex familji jiffrankaw mill-konsum tal-enerġija, l-inċentivi biex familji jinvestu f’PVs u solar water heaters, ħażna aħjar tal-ilma tax-xita għall-bdiewa, it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Riċerka u Żvilupp li jiffoka fuq l-agrikoltura u l-immaniġġjar ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-Qortin, it-tisbiħ tas-soft areas f’Għawdex, ir-riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex li waslet għal żieda qawwija fis-servizzi u fl-użu tal-karozzi tal-linja, it-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta fejn isiru waqfiet ukoll bi cruiseliners u proġetti infrastrutturali bħalma huma toroq residenzjali u toroq arterjali.
Iddeċidejna li l-Ministeru ta’ Għawdex jibda jaħdem fuq il-Pjan ta’ Azzjoni (medium term) għall-2013 – 2015, b’konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders u l-pubbliku.
Għall-Gvern Eko Għawdex tfisser il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin fi gżira li toħloq ix-xogħol.
F’dawn l-4 snin ħdimna biex noħolqu aktar xogħol f’Għawdex. Permezz tal-Employment Aid Programme, 486 ħaddiem Għawdxi sab xogħol. Mit-total kollu tal-ħaddiema li pparteċipaw f’dan il-programm 22% tal-benefiċjarji ta’ dan il-programm fil-fatt ġejjin mill-gżira Għawdxija. Fl-aħħar 4 snin, l-ETC sabet 700 impjieg lill-ħaddiema Għawdxin.
Komplejna ninvestu fin-negozji Għawdxin biex jitkattar il-kummerċ u n-negozju f’Għawdex u b’hekk jiżdiedu wkoll l-impjiegi. Nidejna skemi għan-negozji Maltin u Għawdxin permezz tal-Malta Enterprise u aktar minn 50 negozju Għawdxi bbenefika minn dawn il-fondi u komplew jinvestu fil-prodott u s-servizz tagħhom.
L-iskema tal-MicroInvest fassalniha b’tali mod li tagħti vantaġġi lin-negozji Għawdxin. Taħt din l-iskema, is-sidien tan-negozji Għawdxin qed igawdu minn 60% tal-investiment fi tnaqqis fl-income tax – rata aktar għolja minn dik Maltija. Sa issa 350 sid ta’ negozju f’Għawdex gawdew minn tnaqqis fl-income tax sa massimu ta’ €25,000. B’sodisfazzjon qed naraw rata qawwija ta’ Għawdxin li qed jieħdu din l-iskema talli jinvestu jew jimpjegaw aktar ħaddiema u jingħataw tnaqqis fl-income tax. Sa issa ħadu din l-iskema 1,500 sid ta’ negozju. Kważi 1 minn kull 4 huma Għawdxin. Dan juri l-attività kummerċjali li għaddejja f’Għawdex u s-sens ta’ intrapriża, tal-bżulija u tal-għaqal tal-Għawdxin.
Sinjuri,
Ħdimna biex jiżdiedu aktar l-istudenti li jkomplu bl-istudji tagħhom, biex jiżdied ix-xogħol u jiżdiedu l-ħaddiema f’Għawdex, u biex jiżdied il-kummerċ u n-negozju f’Għawdex. Nagħarfu li l-ftit baħar li jifred iż-żewġ gżejjer jippreżenta sfidi kbar għall-Għawdxin.
Qed nagħtu allowance lill-istudenti li jistudjaw Malta. Nagħtu għajnuna lill-ħaddiema li jaħdmu Malta. Lis-sidien ta’ negozji qed nagħtuhom skemi vantaġġjużi. Qed inżidu l-ammont ta’ karozzi li l-vapuri tal-Gozo Channel jistgħu jġorru f’ħin wieħed. Madanakollu nisimgħu lill-Għawdxin jgħidulna li x-xewqa tagħhom hi li jirbħu l-ħin, għaliex il-ħin tat-traġit iridu jpattu għalih. Smajna. Għarbilna u bdejna l-proċess.
Is-sena li għaddiet il-Gvern inkariga lil Transport Malta biex tqabbad lil esperti jagħmlu studju preliminari dwar il-possibilita’ ta’ mina taħt il-baħar li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer. L-istudju ħares lejn diversi aspetti fosthom dawk tekniċi, ekonomiċi u ambjentali. Dak l-istudju sar, u issa beda l-proċess biex isir feasibility study dettaljat li se janalizza fil-fond għażliet differenti ta’ mina taħt il-baħar li ħarġu mill-ewwel rapport. B’hekk tkun tista’ tittieħed deċiżjoni finali, wara li jkollna f’idejna studju dettaljat fuq l-għażliet differenti li għandna quddiemna sa issa. Hekk nieħdu deċiżjoni fis-sod, fl-interess tal-Għawdxin.
Sinjuri,
Tul dawn l-aħħar snin, ħdimna fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam edukattiv u soċjali, għamilna proġetti u tejjibna l-infrastruttura Għawdxija u saħħaħna wkoll l-istrutturi sabiex l-Għawdxin tipparteċipaw b’mod attiv u ħaj f’dan il-proġett nazzjonali u Ewropew li qed nagħmlu flimkien. Irridukom tipparteċipaw f’kull deċiżjoni u għalhekk waqqafna l-uffiċċju tal-MEUSEC u l-MCESD ġewwa Għawdex. Konxji tal-opportunitajiet kbar li toffri l-Unjoni Ewropea ridna li jkollkom aċċess għall-fondi u opportunitajiet oħra li toffri s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Matul din il-leġislatura waqqafna l-Kumitat Reġjonali Għawdxi, li jiġbor madwar mejda waħda s-soċjetà ċivili Għawdxija. Ridna li permezz ta’ dan il-kumitat reġjonali, kull settur Għawdxi jsemma’ leħnu dwar deċiżjonijiet li jkunu se jaffettwaw lill-gżira. Ridna li kulħadd ikun involut sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu f’konsultazzjoni.
Iżda mhux biss. Ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu li rappreżentant ta’ dan il-Kumitat Reġjonali issa se jkun qed jiġi mistieden jattendi għall-ogħla laqgħat tal-MCESD sabiex anke hawn, leħen Għawdex ikun fl-ogħla struttura, kif għamilna – wara kollox – meta f’kull leġislatura ta’ dan il-Gvern dejjem ħtarna Ministru għal Għawdex.
Sinjuri,
Kif tafu l-isfidi huma ħafna. Sfidi internazzjonali li qed jolqtu lil kull pajjiż.
Però bħala pajjiż dejjem irnexxielna ngħelbu l-isfidi. Għawdex ukoll. Fiduċjużi fikom. Fiduċjużi fil-kapaċitajiet tagħkom.
Nemmnu fil-potenzjal tagħkom u investejna f’dan il-potenzjal.
Flimkien se nkomplu ninvestu biex f’Għawdex jitkattar il-ġid u x-xogħol u titjieb il-kwalità tal-ħajja.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017