DJAR FIL-KOMUNITAJIET GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ TA’ ETAJIET DIFFERENTI
Id-dar tal-komunità Madonna tal-Mellieħa nbniet b’mod li tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-anzjani kif ukoll tal-persuni b’diżabilità. Meta nbniet din id-dar tal-komunità kien hemm id-deċiżjoni li ma tkunx dar tal-anzjani biss iżda wkoll dar fil-komunità li tilqa’ wkoll persuni b’diżabilità. Din id-dar fil-komunità toffri diversi servizzi li jinkludu wkoll day centre, night shelter u berġa.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Mario Galea waqt żjara li għamel fid-Dar Madonna tal-Mellieħa.
Il-persuni b’diżabilità fid-dar tal-komunità Madonna tal-Mellieħa huma segwiti mis-servizzi ta’ Social Work tal-Agenzija Sapport. Numru minnhom jattendu wkoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-aġenzija li minnhom hemm 9.
Mario Galea qal li l-persuni b’diżabilità li jgħixu f’din id-dar tal-komunità tal-Mellieħa mhumiex anzjani biss. L-iżgħar persuna li tgħix f’din id-dar hi ta’ 17-il sena. B’kollox fid-dar jgħixu 11-il persuna b’diżabilità.
Ta’ min ifakkar li s-servizzi ta’ djar residenzjali fil-komunità ilhom jingħataw f’Malta mill-2002. L-ewwel dar residenzjali fil-komunità mmexxija mill-Gvern fetħet għaxar snin ilu. Din is-sena se tiftaħ dar komunitarja oħra f’Birżebbuġa.
F’pajjiżna diġà hawn 119-il persuna b’diżabilità li jgħixu fil-komunità f’waħda mill-14-il dar differenti amministrati mill-Aġenzija tal-Gvern Sapport jew minn NGOs u li l-Gvern iħallas lill-NGOs biex jagħtu dan is-servizz.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017