STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-garanzija ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji ġejja mill-ħolqien ta’ xogħol u xogħol aħjar
Il-garanzija ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji ġejja mill-ħolqien ta’ xogħol u xogħol aħjar. Xahar wara l-ieħor, statistika lokali u Ewropea qed tkompli turi kif pajjiżna qed joħloq aktar postijiet tax-xogħol u llum għandna rata ta’ qgħad li naqset taħt is-6% biex hija fost l-aktar baxxi madwar il-kontinent Ewropew. Aktar minn hekk, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika lbieraħ ikkonferma li barra mill-ħolqien ta' aktar postijiet tax-xogħol, qed jiżdiedu l-pagi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
L-International Labour Organisation stess, ix-xahar li għadda, irrimarkat kif meta mqabbel maż-żmien ta’ qabel il-kriżi tal-2009, fost l--ekonomiji avvanzati tad-dinja r-rati tal-impjieg żdiedu biss f’sitt pajjiżi – wiehed minnhom Malta. Filfatt, fl-aħħar erba’ snin, inħolqu 20,000 post tax-xogħol.
L-istatistika ppubblikata l-bieraħ dwar it-tkabbir ekonomiku turi li bosta setturi qed ikomplu jikbru u jsiru aktar produttivi. Dan wassal biex meta mqabbel mal-ewwel kwart is-sena li għaddiet, il-pagi għall-ħaddiema Maltin żdiedu bi kważi 4%. Dan huwa riżultat dirett tal-inċentivi tal-Gvern favur l-industrija u s-settur tan-negozju li qed ikun megħjun jinvesti, ikabbar, jesporta u b’hekk iżid ix-xogħol. Minn dan igawdi kulħadd.
Dan huwa wkoll frott taż-żieda fl-investiment li qed jattira pajjizna, frott l-istabbilità ekonomika u finanzjarja ta’ pajjizna. Waqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tipprova tgerrex l-investituri billi tipprova tagħtihom x’jifhmu li pajjiżna għandu qagħda finanzjarja ħażina, il-Kummissjoni Ewropea faħħret id-deċiżjonijiet tal-Gvern fit-tisħiħ tal-qagħda finanzjarja filwaqt li l-Fond Monetarju Internazzjonali ddeskriva l-prestazzjoni finanzjarja ta’ Malta bħala impressjonanti.
Barra ż-żieda fil-pagi, il-familji u s-sidien ta’ negozju Maltin gawdew billi komplew jitnaqqsu t-taxxi f’pajjiżna, kif juri rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li sab li l-ħaddiem Malti huwa l-anqas intaxxat fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-Gvern huwa konxju li pajjiżna għandu sfidi kbar quddiemu. Dawn l-isfidi għadhom hemm u jekk wieħed jara dak li qed jiġri f'pajjiż ieħor fil-Mediterran f’dawn is-sigħat huwa biżżejjed biex jifhem li l-inkwiet internazzjonali għadu fl-aqwa tiegħu. Huwa f’dan l-isfond, li l-Gvern jibqa’ jaddotta politika responsabbli li bil-fatti tħares l-interessi tal-familji u s-sidien ta’ negozji Maltin, politika li qed twassal biex minkejja l-isfidi qed jibqa’ jinħoloq aktar xogħol b’pagi aħjar għall-Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017