MOU BEJN IL-GVERN U L-GRTU DWAR IL-CRAFTS VILLAGE F’TA’ QALI LI JAGĦTI FUTUR AĦJAR LIS-SETTUR TAL-ARTIĠĠJANAT MALTI
Il-Malta Industrial Parks u l-GRTU iffirmaw Memorandum of Understanding dwar il-Crafts Village f’Ta’ Qali li jelenka r-responsabbiltajiet u l-impenji tal-Gvern u tas-sidien tal-ħwienet tax-xogħol f’dan il-villaġġ bl-għan li jkun jista’ jipproċedi l-proċess ta’ tisbiħ ta’ din iż-żona li tilqa’ fiha negozji tal-artiġġjanat Malti u tkun stabbilità fuq bażi soda l-pożizzjoni kuntrattwali ta’ kull artiġġjan li jaħdem mill-Crafts Village.
Skont dan il-Memorandum, il-Malta Industrial Parks se tieħu ħsieb it-tisbiħ ġenerali u l-investiment li jrid isir fuq l-infrastruttura fiż-żoni komuni, kif ukoll tindif u landscaping tal-Crafts Village. Wara li jingħataw it-tenders u wara li ssir konsultazzjoni mal-operaturi nfushom biex jiġi kkawżat l-inqas inkonvenjent possibli, l-MIP se tagħti wiċċ ġdid lil dawk it-toroq li l-aktar jeħtieġu attenzjoni, liema xogħol mistenni jibda fil-Ħarifa.
Min-naħa tagħha, l-GRTU qed taqbel li tinkoraġġixxi lill-artiġġjani biex jinvestu fl-operat u l-bini tagħhom sabiex b’hekk ikunu qed jaħdmu mal-MIP fl-iżvilupp taż-żona.
Filwaqt illi l-operaturi illum igawdu minn drittijiet stipulati f’konvenji viġenti bħal, per eżempju, konċessjoni ta’ 65 sena fuq l-art talli jinvestu somma speċifika f'bini u rata ta' ċens stabbilita, permezz tal-MoU il-Gvern iddikkjara l-intenzjoni tiegħu illi jmur lil hinn minn dak stipulat fil-konvenju. F'dan il-kuntest, l-MoU jgħid illi l-MIP lesta żżomm l-istess rata ta' ċens f'kaz illi dan jiġi trasferit lil terzi sakemm min ikun qed jieħu ċ-ċens ikun artiġġjan. L-għan hu li Ta’ Qali Crafts Village ikun primarjament żona ta’ artiġġjanat Malti u għaldaqstant l-MOU qed jipprovdi termini aktar favorevoli għal dawk l-artiġġjani li jaħdmu s-sengħa tagħhom mill-Crafts Village.
Il-Memorandum jesprimi wkoll l-intenzjoni tal-MIP illi tkun flessibbli fir-rigward tas-somma ta' investiment illi jrid isir mis-sidien tal-ħwienet tax-xogħol kif stipulat fil-konvenji, biex b'hekk l-operaturi jkunu jistgħu jagħmlu proposta ta' investiment aktar konformi ma' dak li jifilħu għalih illum.
Il-proposti għall-iżvilupp tal-ħwienet tax-xogħol iridu jkunu approvati mill-MIP sabiex tinżamm kwalità tajba fid-disinn u l-materjali li jintużaw u b’hekk titjieb id-dehra taż-żona tal-villaġġ kollu. Intant, l-MIP qed tressaq ukoll talba sabiex il-villaġġ kollu jingħata status ta’ DNO mill-MEPA u b’hekk il-proċess għall-iżvilupp mill-ġdid tal-ħwienet tax-xogħol ikun jista’ jitħaffef aktar.
Is-sidien tal-ħwienet tax-xogħol jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-iskemi tal-Malta Enterprise sabiex jagħmlu dawn l-investimenti, filwaqt li jistgħu jagħmlu użu mill-għajnuna kemm tal-Korporazzjoni kif ukoll tal-GRTU sabiex jidentifikaw liema skemi ta’ assistenza huma applikabli għalihom u biex jaraw x’iridu jagħmlu biex jibbenefikaw mill-assistenza.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech qal li dan il-Ftehim huwa pass importanti li jagħti aktar serħan tal-moħħ lill-artiġġjani li joperaw f’dan il-villaġġ, li se jkunu jistgħu jinvestu fil-proprjetà tagħhom bl-għarfien li dan se jibqa’ għandhom għal 65 sena u li ż-żona se tingħatalha dehra li tixiriqilha. Huwa fakkar kif il-Ftehim jipprovdi wkoll għall-possibiltà li l-MIP tgħin lill-istess sidien biex jinvestu fil-ħwienet tax-xogħol tagħhom. Din l-għajnuna tiżdied ma’ skemi oħra tal-Gvern li jistgħu jgawdu minnhom dawn is-sidien ta’ negozju, fosthom l-iskema MicroInvest amministrata mill-Malta Enterprise li tippermettilhom jieħdu lura 40% tal-investiment li jkunu għamlu bħala kreditu tat-taxxa sa massimu ta’ 25,000 ewro, l-iskema Micro Credit, u wkoll l-skema ġdida ta’ Micro Guarantee li dalwaqt se titħabbar.
Id-Direttur Ġenerali tal-GRTU, is-Sur Vince Farrugia qal li dan il-ftehim hu ta’ sodisfazzjon kbir għall-GRTU u għall-intrapriżi tal-artiġġjanat Malti “ Hu ta’ sodisfazzjon partikolari għaliex wara negozjati fit-tul issa l-GRTU irnexxilha tiffirma ftehim favorevoli hafna ghas-sidien u artigjani li joperaw f’ Ta’ Qali u hu ta’ sostenn ghal kull wiehed u wahda minnhom. Hi l-intenzjoni tal-GRTU li tagħti l-għajnuna kollha tagħha lis-settur tal-artiġġjanat f’Malta, biex bis-saħħa ta’ arranġamenti ġodda u tħaddim ta’ skemi ta’ sapport imħaddma mil-Gvern Malti u b’finanzjati mill-Unjoni Ewropea s-settur tal-artiġġjanat jingħata futur ġdid”, sostna Vince Farrugia d-Direttur Ġenerali tal-GRTU.
Joan Haber President tal-Crafts Enterprise Sector tal-GRTU qalet li: “wara snin ta’ laqgħat, diskussjonijiet u argumenti, sa fl-aħħar wasalna mal-Gvern fi ftehim fejn kulħadd ċeda biċċa mid-differenzi li kienu qedgħin izommuha, u issa sta għall-artiġġjani li ilhom is-snin jaħdmu minn Ta’ Qali biex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda li qedgħin jinfetħu għalihom bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ħalli flimkien nibnu futur aħjar għall-intrapriżi tagħna u l-artiġġjanat Malti.
Hija qalet: “Għalija illum huwa jum storiku. Fl-aħħar aħna li naħdmu fil-kamp tal-artiġġjanat wasalna biex niffirmaw il-kuntratt proprju biex l-art li qed nokkupaw tingħatalna b’ċens. Issa veru nistgħu nibdew ninvestu f’fabbrika li se tkun tagħna għal tul ta’ żmien. Jien ilni Ta’ Qali 32 sena u dejjem bil-ħsieb li min mument għal ieħor il-fabbrika se titwaqqa’. Naturalment dejjem għamilna investiment meqjuż u temporanju. Bħali għamlu l-biċċa l-kbira tal-operaturi tal-artiġġjanat ta’ Ta’ Qali. Issa fl-aħħar nafu fiż-żgur li aħna f’ Ta’ Qali għandna futur sod”.
Joan Haber f’isem l-artiġġjani ta’ Ta’ Qali u l-GRTU Crafts Enterprise Sector irringrazzjat lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech li wassal iż-żewġ partijiet għal dan il-ftehim u irringrazzjat ukoll liċ-Chairman preżenti tal-MIP u Malta Enterprise is-Sur Lawrence Zammit kif ukoll liċ-Chairman ta’ qabel, is-Sur Alan Camilleri li ħadem ħafna biex l-arranġamenti u l-kundizzjonijiet ġodda favorevoli għall-operaturi ta’ Ta’ Qali. Hi awgurat li dan l-ispirtu ta’ kooperazjoni jitkompla u li mill-aktar fis titwaqqaf Task Force li tanalizza u tindirizza l-problemi tal-artiġġjanat Malti biex jitħaffef il-programm ta’ tisħiħ ta’ dan is-settur li issa ser jitwettaq permezz ta’ dan il-ftehim.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017