STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Gvern jieħu nota tal-istatistika ppubblikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi li l-ekonomija f’Malta naqqset mir-ritmu ekonomiku li kienet qiegħda tikber bih. Dan ġara għal żewġ raġunijiet prinċipali, li huma li l-gvern ma żiedx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minkejja ż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt u allura l-Enemalta għamlet aktar telf; u t-tieni raġuni hi li kien hemm tnaqqis fl-esportazzjoni ta’ kumpanija partikolari.
Dan jikkonferma l-pożizzjoni li kien ħa l-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena, li d-deterjorament ekonomiku internazzjonali u, b’mod partikolari fiż-żona ewro, u ż-żieda fil-prezz interanzzjonali taż-żejt kien se jkollu impatt fuq pajjiżna.
Fattur importanti tal-istatistika tal-GDP li ħarġet illum, huwa l-impatt tal-telf akbar li qed issostni l-Korporazzjoni Enemalta fid-dawl tal-pressjoni akbar fil-prezzijiet taż-żejt, u d-deċiżjoni tal-Gvern, li ma jgħollix il-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex ma jiżdiedux il-kontijiet għall-familji, in-negozju u l-industrija Maltija. Dan fih innifsu għandu impatt negattiv fuq kif jitkejjel fil-GDP. Dan għaliex telf u sussidji huma meqjusa bħala kejl negattiv tal-kontribut ekonomiku. Fil-fatt, mingħajr l-impatt negattiv tal-Korporazzjoni Enemalta, l-ekonomija Maltija kienet tirreġistra tkabbir nominali ta’ 2.4%.
Jidher ukoll li parti kbira mis-setturi ekonomiċi rreġistraw tkabbir ekonomiku, u kienet reġistrata wkoll żieda fl-esportazzjoni ta’ 4.3%. Madankollu, filwaqt li l-maġġoranza tal-kumpaniji fis-settur tal-manifattura rreġistraw tkabbir u żieda fl-esportazzjoni, it-tnaqqis temporanju li kellha kumpannija ewlenija fis-settur tal-manifattura ħalla impatt ieħor negattiv fuq iċ-ċifri li ġew ippubblikati.
Madankollu, ir-riżultati f’dak li huma impjiegi fil-pajjiz, Malta baqgħat tirreġistra fost l-anqas rata ta’ qgħad u fost l-ogħla żidiet fir-rata tal-ħolqien tax-xogħol għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. Kif joħroġ mill-istess statistika, dak li tħallas f’pagi f’dan l-ewwel kwart tas-sena kien 3.3% aktar mill-istess kwart is-sena li għaddiet. Kif ġie rrappurtat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ din is-sena t-talbiet għal impjiegi ġodda żdiedu b’25% meta mqabbel mas-sena li għaddiet, b’medja ta’ 60 impjieg mitlub kuljum.
Waqt li globalment l-istatistika turi tnaqqis, billi dan huwa limitat għal żewġ elementi speċifiċi, it-tnaqqis f’pajjiżna mhux mifrux mal-ekonomija Maltija b’mod ġenerali. L-ekonomija qed tkompli tattira aktar investment u qed tibqa’ toħloq postijiet ġodda tax-xogħol b’pagi tajbin għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017