Left arrow Mur Lura

JUM IL-GRADWAZZJONI FL-ISKOLA SEKONDARJA OGĦLA GIOVANNI CURMI

pr1301
Date Icon 08/06/2012

250 student temmew l-istudji tagħhom b’suċċess

250 student u studenta llum iggradwaw mill-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom f’din l-istituzzjoni biex issa jkomplu jistudjaw f’livell terzjarju.

Filwaqt li awgurat lil dawn l-istudenti għas-suċċess miksub, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li din l-iskola hi vittma tas-suċċess tagħha u saret żgħira għan-numru ta’ studenti li qed jattendu fiha li qed jiżdiedu b’medja ta’ 120 student jew ħames klassijiet kull sena.  Għalhekk il-Gvern għadda lil din l-iskola bini li kien tal-MCAST biex jinbidel fi blokk ta’ klassijiet ġodda biex ikunu jistgħu jiġu akkomodati aktar studenti.

Grazzi għat-tmexxija u l-lekċerers, l-istatus ta’ din l-iskola, f’dawn l-aħħar snin kiber ħafna u l-iskola saret l-għażla konxja ta’ ħafna studenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.  Ir-rata ta’ studenti li minn din l-iskola jmorru l-Universita’ jew l-MCAST qed tiżdied minn sena għall-oħra.

Illum hawn 2060 student u studenta jattendu f’din l-istituzzjoni edukattiva li jistgħu jagħżlu min-numru sabiħ ta’ korsijiet li l-iskola toffri.

Mis-sena d-dieħla l-istudenti se jkollhom ukoll l-opportunità li fil-livell intermedju jagħżlu li jagħmlu kors fl-Istudji Teatrali li mbagħad ikunu jistgħu jkompluh fl-Università biex jiksbu grad f’dan is-suġġett. Dan wara li s-sena li għaddiet iddaħħal is-suġġett tal-mużika fil-livell avanzat u intermedju.

Il-Ministru Cristina qalet li l-istudenti bl-għajnuna tal-lekċerers tagħhom huma impenjati wkoll f’diversi attivitajiet barra mill-klassi fosthom inizjattivi favur l-ambjent u attivitajiet sportivi kif ukoll il-parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħalma hu l-proġett Comenius, attivitajiet ta’ drama, mużika, żfin u oħrajn.

Hi ħeġġet lill-istudenti biex iżidu l-parteċipazzjoni fi proġetti u attivitajiet bħal dawn mhux biss għax dawn jgħinu fl-iżvilupp tal-personalità sħiħa tagħhom imma wkoll għax dawn l-attivitajiet illum qed nagħtuhom valur aktar minn qatt qabel.

Il-pajjiż għandu quddiemu sfida kbira. U intom iż-żgħażagħ għandkom ħafna x’tikkontribwixxu biex din l-isfida tintrebaħ. Irridu li ħafna aktar nies jibqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja. Qegħdin nimmiraw li sal-2020 in-numru ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola inniżżluh minn 32.57% kif inhu llum, għal 29%.

Bejn is-sena 2000 u l-2008, fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta irreġistrat l-akbar tnaqqis fil-perċentaġġ ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni minn 54.2% għal 39% u din ir-rata baqgħet nieżla għal 32.57% sa nofs is-sena li għaddiet.  Għalhekk naħseb li se nilħqu l-mira tagħna li nniżżluha għal 29% anke qabel is-sena 2020.

Dan jista’ jsir billi nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni, inkomplu noffru korsijiet ġodda, inkomplu nassiguraw li l-istudju u l-edukazzjoni jsiru dejjem aktar esperjenza pjaċevoli u pożittiva.

Il-pajjiż għandu bżonn li jiżdiedu dawk fl-età bejn it-30 u l-40 sena li jkollhom kwalifika ta’ degree jew aktar. F’din it-triq għamilna qabżiet kbar.  Biżżejjed jingħad li l-gradwati Maltin bejn is-sena 2000 u l-2008, żdiedu minn 7% għal 21% - ittripplikaw. Sa nofs is-sena li għaddiet kompla jitla’ għal 22.6% u nixtiequ li sal-2020 jitla’ għal 29%.

Il-Gvern fiduċjuż li se jirnexxielna nilħqu dawn il-miri għax għandu fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna.  Illum pajjiżna għandu ir-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad taż-żgħażagħ fost il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea.  Għandna wkoll l-aħjar rata fejn jidħol l-impjieg fost iż-żgħażagħ gradwati.

“Intom li qed tiggradwaw illum diġà ksibtu l-ewwel suċċessi. U għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu tistudjaw u tavanzaw. Għalhekk filwaqt li nifraħ magħkom f’din il-ġurnata sabiħa għalikom u l-ġenituri tagħkom, l-appell tiegħi hu li tqisu dan is-suċċess bħala tarġa oħra li għandha sservikom lejn aktar avanzi edukattivi li jiggarantulkom futur mill-isbaħ. Fuq kollox nixtiqilkom serenita f’ħajjitkom”, temmet tgħid il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Matul il-gradwazzjoni li għaliha attendew id-Deputat Laburista Evarist Bartolo il-ġenituri tal-istudenti li ggradwaw, lekċerers, u uffiċjali tal-edukazzjoni, kien hemm interventi mill-kor tal-iskola, l-istudenti tad-drama filwaqt li studenta oħra tat wirja ta’ żifna klassika. Il-Kap tal-Iskola Mary Attard tkellmet dwar il-ħidma tal-iskola s-sena li għaddiet u l-pjanijiet għas-sena d-dieħla.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow