EFFETTI ĦŻIENA KKAWŻATI MINN RADJAZZJONI ELETTROMANJETIKA
Nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju 2012, il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali ngħata preżentazzjoni minn numru ta’ persuni dwar il-possibilità ta’ ħsara fis-saħħa kkawżati mir-radjazzjoni elettromanjetika li tiġi mill-antenni tat-telefonija ċellulari li hemm fuq il-bjut jew fil-viċinanzi (b’referenza speċifika fuq is-saħħa tat-tfal).
Matul din il-laqgħa tqajmu ħafna punti u saru numru ta’ mistoqsijiet li l-Kumitat ħass li għandhom ikunu l-bażi tal-laqgħa li jmiss fejn il-ministeri, entitajiet, kumpaniji u għaqdiet volontarji msemmija hawn taħt huma mistennija jattendu.
• Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità;
• Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol;
• Il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni;
• L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni;
• L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar;
• Kumpaniji Ewlenin tat-Telefonija Ċellulari (Go, Vodafone u Melita);
• Għaqdiet Volontarji li jitrattaw suġġetti ambjentali.
Din il-laqgħa se ssir nhar it-Tlieta 12 ta’ Ġunju 2012 fil-5.30 p.m.
Ir-rappreżentanti ta’ kull Ministeru, entità u kumpanija se jkunu mistennija jispjegaw fuq liema bażi xjentifika qed isir ix-xogħol fil-qasam tar-radjazzjoni elettromanjetika li tiġi mill-antenni tat-telefonija ċellulari. Se jkunu mistennija jgħidu wkoll x’linji gwida jew x’liġijiet qegħdin jimxu magħhom sabiex jaraw li l-antenni tat-telefonija ċellulari jkollhom l-inqas livell ta’ radjazzjoni. Ir-rappreżentanti preżenti għal-laqgħa se jsirulhom mistoqsijiet mill-Membri tal-Kumitat u huwa mistenni li jiġu ppreparati sabiex iwieġbu dawn il-mistoqsijiet li se jsiru abbażi tal-preżentazzjoni li saret lill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali fil-laqgħa tat-22 ta’ Mejju u li kopja tagħha ġiet provduta lilhom.
Kopja ta’ din il-preżentazzjoni hija aċċessibbli fuq il-webpage tal-Kumitat http://www.parlament.mt/socialaffairscommittee
Il-Kumitat qed jistieden lil kull min hu interessat biex jibgħat ilmenti, kummenti u suġġerimenti fuq dan is-suġġett, anki b’mod anonimu, li jikkomunika mal-Kumitat sa nhar it-Tnejn 11 ta’ Ġunju, 2012. Dawn is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu fuq socialaffairs@parlament.mt jew fl-indirizz:
L-Iskrivan tal-Kumitat
Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali
Kamra tad-Deputati
Il-Palazz
Il-Belt Valletta
Il-laqgħa tal-Kumitat hija miftuħa għall-pubbliku, però minħabba limitazzjoni ta’ spazju, dawk il-persuni interessati li jattendu bħala osservaturi għandhom jiktbu jew iċemplu lill-Iskrivan tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali. Il-laqgħat tal-Kumitat jistgħu jiġu wkoll segwiti permess ta’ live stream minn fuq il-webpage tal-Kumitat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017