TNEDIJA TAL-MALTESE HEART ATTACK PREVENTION INITIATIVE
L-Isptar Saint James ġie akkreditat minn organizazzjoni Amerikana li ġġib l-isem ta’ SHAPE (Society for Heart Attack Prevention and Eradication) bħala l-ewwel Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ SHAPE fl-Ewropa.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita Dr Joe Cassar, flimkien ma Dr Josie Muscat, Chairman tas-Saint James Hospital. L-akkreditazzjoni kienet mgħoddija mill-ispeċjalista tal-qalb mill-iStati Uniti, Dr Jeffrey Fine.
Dr. Josie Muscat ħabbar li din l-akkreditazzjoni seħħet hekk kif l-isptar qiegħed jinvesti fi proġett ġdid intenzjonat li jwassal aktar tagħrif dwar il-mard tal-qalb.
Il-Ministru Cassar, filwaqt li faħħar l-impenn tad-diriġenti u l-ħaddiema tal-iSptarijiet Saint James qal li dan il-proġett għandu jikkontribwixxi biex il-poplu ikun aktar infurmat dwar kif jistgħu jiġu mnaqqsa il-possibilitajiet ta’ mard tal-qalb. Permezz ta’ programmi ta’ informazzjoni il-Gvern jinsab kontinwament impenjat f’kampanji varji ta’ prevenzjoni f’diversi oqsma. Il-Ministru Cassar qal li minkejja li pajjiżna igawdi minn wieħed mill-aqwa servizzi tas-saħħa fl-Ewropa, huwa ferm aktar importanti li l-pubbliku jkun aktar infurmat dwar kif jista’ jgħix stil ta ħajja li jippromwovi s-saħħa, u allura jiġi, kemm jista jkun, evitat il-bżonn li wieħed juża s-servizzi tas-saħħa.
Dr Joe Cassar qal li s-servizz tas-saħħa fil-privat hu wieħed ta’ livell għoli u dan il-pass li sar mis-Saint James se jkompli jsaħħaħ dan il-fatt.
Dr. Josie Muscat qal li l-iSptar Saint James SHAPE hi entità li toffri servizz dedikat għar-ricerka u l-edukazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kura ta’ attakki tal-qalb. L-iskop hu li din l-entità tinforma l-pubbliku dwar opportunitajiet ġodda u skoperti rivoluzjonarji li jiftħu toroq ġodda ghall-prevenzjoni tal-attakki tal-qalb. Permezz ta’ dan, SHAPE qed taspira li tnaqqas sostanzjalment l-attakki tal-qalb li illum huma l-kawża prinċipali ta’ mwiet fid-dinja.
Bħala Sptar accreditat ta’ SHAPE, l-iSptar Saint James qieghed iniedi il-Maltese Heart Attack Prevention Initiative li tippromwovi l-iskrining ghall-mard tal-qalb permezz ta’ numru ta’ servizzi li jinkludu konsultazzjoni ma’ kardjologu, testijiet tad-demm, CT Calcium Scoring (Heart Scan), Stress ECG, QIMT (test illi jiccekkja għal difetti fl-istruttura tal-arterja), u 24-hour blood pressure monitoring, fost l-ohrajn. Liema test jew testijiet isiru jiddependi minn numru ta’ fatturi li jinkludu l-eta’ tal-persuna u l-istorja tal-mard tal-qalb fil-familja, fost oħrajn.
Dr Jeffrey Fine qal li permezz ta’ test semplici, persuna tista tara l-istat ta’ saħħa li tinsab fiha u tkun taf immedjatament jekk għandiex riskju li jagħtiha attakk tal-qalb. Dr Fines, li ser immexxi numru ta’ inizjattivi li l-isptar Saint James qiegħed jorganizza matil dawn il-jiem, insista fuq dieta bilanċjata li tevita ħafna problemi ta’ saħħa. Dr Fine se jkun qiegħed jindirizza konferenza għat-tobba li matulha se jwassal informazzjoni b’mod partikolari dwar is-CT Calcium Scoring/Heart Scan, li SHAPE kisbu permezz ta’ riċerka u esperjenza diretta fil-qasam.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017