Left arrow Mur Lura

GĦAT-TIENI SENA KONSEKUTTIVA GĦAWDEX JIĠI PPREMJAT GĦALL-KWALITÀ TAL-KOSTA – DIN ID-DARBA ‘IL-QUALITY COAST GOLD AWARD’

pr1284
Date Icon 06/06/2012

Il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna ġew ikklassifikati fit-tielet post fost 100 destinazzjoni kostali fl-Ewropa magħżula bħala l-aqwa destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli. Il-Quality Coast Awards għandhom l-għan li jippromwovu destinazzjonijiet kostali li joffru veduti u pajsaġġi naturali flimkien ma’ fatturi oħra bħall-identità lokali, il-wirt naturali u kulturali, u l-ambjent marittimu nadif.

Il-Quality Coast Awards huma meqjusa bħala premju prestiġġjuż u għandhom l-għan li jiggwidaw operaturi turistiċi fir-reklamar ta’ destinazzjonijiet sostenibbli fost turisti li jagħżlu dawn it-tip ta’ destinazzjonijiet fejn iqattgħu l-btajjel tagħhom. Fil-proċess tal-għażla ta’ dawn id-destinazzjonijiet, l-EUCC (Coastal & Marine Union), li huma l-promoturi ewlenin tal-Quality Coast Awards, twettaq eżerċizzju ta’ evalwazzjoni estensiv immexxi minn ġurija indipendenti. Dan l-eżerċizzju huwa mibni fuq 120 indikatur mqassma f’20 kriterju differenti, ewlenin fosthom in-natura, l-ambjent, l-identità, s-soċjetà u l-ekonomija. Din is-sena ġew evalwati mat-800 destinazzjoni li minn fosthom ġew magħżula dawk ikkunsidrati bħala l-aqwa 100. L-Azores fil-Portugall u Lerapetra fil-Greċja kklassifikaw fl-ewwel u t-tieni post rispettivament.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ġiet ippreżentata b’ċertifikat u bandiera bħala simbolu ta’ dan il-premju mill-Ambaxxatriċi Internazzjonali tal-EUCC Dr Marlyse Cremers.  Dan iċ-ċertifikat kien ġie ppreżentat lill-Ambaxxatur ta’ Malta għal Portugall l-Eċċellenza Tiegħu Simon Pullicino waqt attività mtellgħa f’Torres Vedras f’Mejju li għadda.

Il-Ministru għal Għawdex fissret din il-klassifikazzjoni bħala rikonoxximent għal dak kollu li sar u qed isir f’Għawdex. Dan mhux biss fir-rigward ta’ dak li jolqot direttament il-qasam turistiku Għawdxi iżda wkoll dak kollu marbut mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli għal Għawdex. Kunċett li jfittex li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq il-gżira kemm għal dawk li jgħixu fuqha kif ukoll għal dawk li jżuruha.  Il-Ministru fissret kif il-kriterji li fuqhom huma bbażati l-Quality Coast Awards jaqblu mal-kriterji u l-għanijiet tal-viżjoni eko-Għawdex u jaqblu wkoll mal-kunċetti ta’ turiżmu responsabbli u turiżmu rurali kif qed jiġu proposti u mwettqa fil-ħidma tal-Gvern għal Għawdex. Filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għal dan il-premju, il-Ministru Giovanna Debono fissret kif dan ser ikun għodda addizzjonali fir-reklamar ta’ Għawdex u Kemuna bħala destinazzjoni turistika li għandha x’toffri matul is-sena kollha.

Minn naħa tagħha Dr. Cremers qalet li mill-kuntatti li tagħmel fil-koordinazzjoni ta’ dan il-premju, sabet li dan iservi bħala inċentiv biex il-komunitajiet relatati jżidu l-għarfien u l-impenn favur lokalitajiet u reġjuni aktar sostenibbli. Dan huwa ta’ benefiċċju kemm għall-komunitajiet infushom kif ukoll għat-turisti li jżuruhom.

Din kienet it-tieni sena li Għawdex ġie propost biex jieħu sehem fil-Quality Coast Awards. Wara li s-sena l-oħra Għawdex u Kemmuna kisbu l-Bronze Award. Fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal Għawdex u Kemmuna għal din is-sena, il-punti kif mogħtija mill-ġurija kklassifikaw lil din id-destinazzjoni bħala t-tielet fost l-aqwa 100 li ġew magħżula minn 800 destinazzjoni kostali jew interna. Il-parteċipazzjoni ta’ Għawdex u Kemmuna f’dan il-premju ġiet ko-ordinata mid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow