185 STUDENT JIPPARTEĊIPAW FL-14-IL EDIZZJONI TA’ SKOLA SPORT F’GĦAWDEX
185 student Għawdxi temmew b’suċċess il-parteċipazzjoni tagħhom fl-14-il edizzjoni tal-programm ta’ Skola Sport f’Għawdex organizzat mill-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Dan wara li attendew għas-sessjonijiet sportivi mtellgħa kull nhar ta’ Sibt bejn Novembru 2011 u Mejju li għadda.
Din is-sena l-istudenti li pparteċipaw f’dan il-programm sportiv, kellhom l-għażla li jitħarrġu fi tlettax-il dixxiplina. Matul is-sena, l-istudenti ttieħdu wkoll f’faċilitajiet sportivi oħra f’Għawdex, filwaqt li ġew organizzati għalihom għadd ta’ attivitajiet rikreattivi fost l-oħrajn ġurnata sportiva fil-bajja tar-Ramla u esperjenza ta’ trekking fil-kampanja.
Din l-edizzjoni ta’ Skola Sport ġiet fi tmiemha b’attività waqt Lejlet Lapsi Notte Gozitana 2012 fejn ġiet organizzata attività fil-beraħ fl-inħawi taċ-Ċittadella, li matulha ġew ipprattikati diversi eżerċizzji u logħob ieħor. Għal din l-attività attendew għadd ta’ ġenituri u qraba tal-istudenti, fejn setgħu jaraw il-ħiliet sportivi ta’ wliedhom. Fi tmiem l-attività kull student ġie ppremjat b’medalja kommemorattiva.
Il-programm ta’ Skola Sport f’Għawdex ikompli f’Novembru li ġej, fejn jerġgħu jinħarġu l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-istudenti. Il-Kumpless Sportiv jipprovdi trasport b’xejn minn kull pjazza tar-raħal f’Għawdex u lura, għal kull student li jattendi Skola Sport.
Matul din is-sena, il-Ministeru għal Għawdex investa f’xiri ta’ apparat ġdid biex il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex jibqa’ jiġi attrezzat biex ikun jista’ jipprovdi servizzi aħjar fl-eżekuzzjoni tal-lezzjonijiet waqt Skola Sport. Barraminhekk bħalissa jinsab għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fis-saqaf tal-Kumpless li meta jitlesta għandu jkompli jinċentiva l-użu ta’ dan il-kumpless u b’hekk isaħħaħ ukoll il-promozzjoni favur stil ta’ ħajja aħjar permezz tal-eżerċizzju fiżiku u l-isport.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017