IL-POLITIKA DWAR L-ILMA GĦAL PAJJIŻNA – GARANZIJA TA’ PROVVISTA U SOSTENIBBILITÀ TAL-ILMA
Illum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent li jiġi ċċelebrat kull 5 ta’ Ġunju madwar id-dinja, l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino, indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Politika dwar l-ilma għall-pajjiżna. Din il-politika telenka numru ta’ objettivi u għanijiet li pajjiżna jrid jasal għalihom, fosthom;
• Li pajjiżna jlaħħaq mad-domanda għall-ilma tax-xorb, għall-agrikoltura u għall-użu industrijali
• Immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsa tal-ilma
• Protezzjoni tal-ambjent tal-ilma mit-tniġġiż
• Allokazzjoni ġusta tar-riżorsi permezz ta’ regolamentazzjoni u
• l-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima u tnaqqis tal-effett tal-għargħar u nixfa
Din il-politika tal-ilma hi riżultat ta’ ħafna xogħol u studji relatati biex il-policies mressqa f’din l-istrateġija jkunu sostnuti minn studji xjentifiċi. Fost dawn insibu x-xogħol riċenti li sar mal-British Geographical Society u l-Ministeru Franċiż għall-Ambjent biex ikun imsejjes programm ta’ miżuri li jħares lejn is-sostenibbiltà tar-riżorsi. Il-Politika dwar l-ilma hi wkoll riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika, kif ukoll tinsab għaddejja l-aħħar fażi tal-Istrategic Environment Assessment (SEA).
Il-Gvern fl-aħħar snin ħadem bis-sħiħ u investa fl-infrastruttura neċċessarja biex f’pajjiżna jkollna garanzija ta’ provista tal-ilma kif ukoll garanzija ta’ kwalità. Fl-aħħar snin l-kwalità tal-ilma tax-xorb tjiebet. Filwaqt li l-Water Services Corporation naqset l-estrazzjoni mill-ilma ta’ taħt l-art għal ilma tax-xorb, fl-istess ħin żdiedet il-produzzjoni tal-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Dan sabiex jintlaħqu dejjem aktar standards ta’ kwalità. Bl-investiment li sar mill-Gvern f’dan il-qasam sabiex titjieb l-infrastruttura, bħal tibdil ta’ pajpijiet, metres, intellegent systems f’dak li huwa pressure control u l-infurzar tal-leakage detection, it-telf tal-ilma mis-sistema naqas ukoll b’mod drastiku minn 1,000m3/hr fl-2004 għal 460m3/hr fl-2010. Dan juri l-importanza li qed tingħata fl-effiċjenza tas-sistema filwaqt li fadal xi jsir sabiex tonqos il-ħela. Ġew investiti wkoll €108 miljun fi tlett impjanti għat-trattament tad-drenaġġ. Dan wassal biex illum Malta hi l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li jitratta d-drenaġġ tad-djar, negozji u fabriki qabel dan imur fil-Baħar. Minbarra dan l-investiment favur l-ambjent u s-saħħa tan-nies, dan qed jirredni wkoll f’ġid ekonomiku għax isaħħaħ il-prodott turistiku Malti.
Il-Gvern iffinalizza wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-nitrati li jiproponi numru ta’ miżuri li jridu jittieħdu biex jonqos il-livell ta’ nitrati fl-ilma. Il-Ministru Pullicino qal li permezz tal-Programm Life+ tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali se jwettaq proġett li se jiffoka fuq programm ta’ informazzjoni għall-bdiewa u r-raħħala Maltin fuq l-obbligi li jaqgħu taħt il-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-nitrati. Din se tinkludi fost oħrajn f’ingaġġ ta’ persuni biex iservu ta’ assistenti lill-bdiewa u lir-raħħala biex jgħinuhom fit-tibdiliet neċessarji kif ukoll se jitqassmu soil analysis kits. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ aktar minn €1.3 miljun li minnhom madwar 50% huma kontribuzzjoni mill-EU. Hawnekk il-Ministru Pullicino tkellem dwar l-investiment kbir li seħħ dawn l-aħħar snin fuq l-immodernizzar tal-irziezet f’pajjiżna li wassal biex id-demel m’għadux jinġarr bl-ilma tax-xita għax illum inbnew it-tined u manure clamps.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern qiegħed għaddej b’ħidma kontinwa biex jiġbor l-ilma tax-xita. F’din il-leġislatura twaqqaf unit biex jieħu ħsieb il-manutenzjoni u tindif tal-widien u ġibjuni. Hu kkalkulat li mit-tindif li jsir fix-xhur tas-sajf jinġabru mal-20,000 tunnellata ta’ skart fis-sena. Mill-widien u gibjuni f’pajjiżna qed jinħażen ’l fuq minn 200,000 metru kubu ta’ ilma. Permezz tal-proġett għat-taffija tal-għargħar, li se jsir b’investiment ta €56 miljun, se jkun ittripplat l-ammont ta’ xita li jinħażen jew jiżdied mal-ilma tal-pjan f’pajjiżna, dan għaliex dan il-proġett għandu l-potenzjal li jiġbor mas-700,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.
Il-Ministru Pullicino spjega wkoll li l-proġetti bħal ġonna pubbliċi li l-Gvern bena, jinkludu wkoll numru ta’ ġibjuni biex l-ilma li jinġema’ jintuża għat-tisqija tal-istess ġnien. Il-Ministru Pullicino qal ukoll li dan id-dokument ikompli jibni fuq dak li sar f’dawn l-aħħar snin. L-iskop tal-miżuri li qegħdin jittieħdu u li qed ikunu proposti fid-dokument, huwa biex ikompli jkun hemm protezzjoni għall-użu strateġiku sew għax-xorb kif ukoll l-ilma meħtieġ mis-settur agrikolu, settur li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza tiegħu. Fost l-inizjattivi li ttieħdu s’issa:
• fl-2008 kien tkompla il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-boreholes u l-ispejjer li għandna fil-pajjiż, proċess li kien
inbeda fl-1997. Dan il-proċess wassal biex ikun stabbillit li b’kollox f’pajjiżna hawn mat-8,000 sors tal-ilma.
• Daħal fis-seħħ morotarju fuq it-tħaffir ta’ aktar boreholes.
• Pass ieħor fit-twettieq ta’ politika serja sabiex l-ilma jkun trattat bħala riżorsa sostenibbli kienet it-tnedija ta’
proċess ta’ liċenzjar għall-operaturi privati fis-settur tal-ilma (operaturi tal-bowsers). Dan il-proċess hu wkoll
intiż sabiex jirregola u janalizza l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan minn dawn l-operaturi.
• Permezz ta’ avviż legali sar obbligu li kull borehole u spiera jkollha meter installat magħha għal skop ta’
moniteraġġ. Hu minnu li l-kalkoli kollha juru li qed ikun estratt aktar ilma milli għandu jkun, biss sa’ llum
pajjiżna m’għandux stampa reali ta’ x’qed ikun verament estratt mill-ilma tal-pjan. Għalhekk issa permezz tal-
meters u l-perjodu ta’ moniteraġġ se tkun stabbilita verament is-sitwazzjoni kif inhi.
• L-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bdiet il-proċess tal-installazzjoni tal-meters fuq dawk li rreġistraw li l-
borehole jew spiera tagħhom tintuża għall-attività kummerċjali.
• Beda wkoll it-twaħħil ta’ meters fuq il-boreholes tal-bdiewa u r-raħħala. Hu magħruf li jridu jitwaħħlu ’l fuq
minn 3,000 meter. Permezz tal-Aġenzija tal-Pagamenti il-bdiewa u r-raħħala qed jingħathalhom meter b’xejn, li
qed ikun iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali. Bħala kirja għal meters,
kemm tad-dawl kif ukoll tal-ilma, il-bdiewa u r-raħħala se jibdew iħallsu nofs il-prezz.
Permezz tal-moniteraġġ reali ta’ x’verament qed jittella’ mill-ilma tal-pjan, l-Awtorità se tkun f’pożizzjoni li tevalwa aħjar l-impatt li l-estrazzjoni minn setturi varji qed ikollu fuq is-sostenibbilità tal-ilma tal-pjan. Dan il-proċess se jgħin biex eventwalment jinħadmu kwoti li jippermettu estrazzjoni sostenibbli, sabiex filwaqt li jissalvagwardjaw il-ħidma tas-setturi importanti fl-ekonomija tal-pajjiż (bħall-agrikoltura), jiżguraw is-sostenibbilità tal-istess akwiferi. Il-Ministru Pullicino temm jgħid li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex ikompli jfittex l-aħjar forom ta’ teknoloġija biex pereżempju l-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ ikun konvertit f’ilma tajjeb biex jintuża’ mil-bdiewa għat-tisqija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017