Left arrow Mur Lura

JITWAQQAF MUŻEW ĠDID FL-GĦARB BIS-SAĦĦA TAL-ISKEMA EKO GĦAWDEX

pr1269
Date Icon 05/06/2012

Kif jixhed ismu, il-mużew parrokkjali Ecclesia Mater, ser ikun qed jesponi esebizzjoni permanenti ta’ oġġetti marbuta mal-istorja parrokkjali ta’ dan ir-raħal f’Għawdex. L-oġġetti għal wiri jagħtu xhieda ta’ millenji ta’ storja li tmur lura għal żmien il-Feniċi, għal żmien l-Għarab u anke dik tal-preżent.

Fost l-attrazzjonijiet uniċi ta’ din il-kollezzjoni wieħed jista’ jara fdalijiet tal-fuħħar ta’ żmien il-feniċi kif ukoll kollezzjoni ta’ muniti li kienu jintużaw mill-Għarab u l-Lhud li jixhdu l-kummerċ li kien isir minn nies li kienu jaslu bil-baħar  f’dawn l-inħawi fil-Punent ta’ Għawdex. Hemm esebiti wkoll xogħlijiet ta’ arti sagra fosthom statwa tal-Madonna tar-Rużarju maħduma fl-injam, pitturi minn artisti lokali u barranin, kollezzjoni ta’ teżori tal-fidda li tinkludi wkoll sett lampieri uniċi f’Għawdex. Minbarra numru ta’ ilbies ċerimonjali u paramenti sagri, f’dan il-mużew ġiet iddedikata wkoll sezzjoni li tfakkar lil Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi, li twieled u trabba fl-Għarb u serva bħala Isqof ta’ Għawdex mill-1972 sas-sena 2005.

Il-Bulla li nħarġet mill-Vatikan fl-1774, li hi miktuba bi stil gotiku u permezz tagħha l-knisja tal-Għarb ingħatat it-titlu ta’ Kolleġġjata, hija wkoll waħda mill-esebiti uniċi tal-mużew Ecclesia Mater. 

‘Minbarra li jixhed l-istorja marbuta ma’ din il-lokalità, dan il-mużew ġdid ser ikun qed iżid mal-attrazzjonijiet turistiċi f’Għawdex u b’hekk isaħħaħ ukoll il-prodott turistiku Għawdxi’. Dan qalitu  l-Onor. Giovanna Debono waqt l-inawgurazzjoni tal-mużew li saret permezz ta’ attività mtellgħa mill-Kapitlu tal-Għarb flimkien mal-Għaqda Folkloristika tal-Qiegħa. Il-Ministru Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ din il-għaqda li pproponiet dan il-proġett biex tikseb il-fondi meħtieġa għat-twaqqif tiegħu permezz tal-iskema għal Għaqdiet mhux Governattivi mnedija mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010-2012.

Permezz ta’ din l-iskema flimkien ma’ skema miftuħa għall-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex alloka €2 miljun li permezz tagħhom twettqu jew qed jitwettqu aktar minn 50 proġett fid-diversi lokalitajiet madwar Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex esprimiet sodisfazzjon għal mod proattiv li bih intlaqgħu dawn l-iskemi u li permezz tagħhom il-komunitajiet f’kull lokalità f’Għawdex gawdew minn proġetti ta’ natura differenti li jolqtu mill-qrib membri tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani f’kull lokalità. L-Onor. Giovanna Debono fissret kif minbarra għajnuna finanzjarja li tlaħħaq €20,000 li ġew investiti fil-proġett tal-mużew Ecclesia Mater, l-Għarb ibbenefika wkoll minn madwar €50,000 oħra għal proġetti oħra li qed jitwettqu mill-Kunsill Lokali u mill-Għarb Rangers Football Club.

Fl-istess okkażjoni ġie inawgurat xogħol ieħor ta’ tisbiħ li twettaq mill-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni ġewwa s-sala parrokjali tal-istess raħal. Permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-istess skema, din il-għaqda setgħet tiffinanzja parti mix-xogħlijiet li kienu jinkludu bdil ta’ bozoz li jaħlu inqas enerġija u l-installazzjoni ta’ aperturi b’sistemi ta’ ħġieġ doppju li jippromwovu wkoll prattiċi ambjentali sostenibbli.  

Iż-żewġ proġetti ġew inawgurati mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex u ġew imbierka mill-Arċipriet tal-Għarb, Mons. Joseph Sultana. Għal din l-okkażjoni ġiet imtellgħa serata mużiko letterarja fil-Knisja Kolleġġjata Bażilika tal-Għarb, mill-Kor Gaulitanus taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Colin Attard. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll fost l-oħrajn l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, Membri Parlamentari Għawdxin, kif ukoll is-Sur David Apap, Sindku tal-istess lokalità u Fr Joe Calleja li hu d-disinjatur u l-kuratur tal-mużew ġdid Ecclesia Mater.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow