Left arrow Go Back

KONTENITURI GĦAR-RIĊIKLAĠĠ TAL-KARTI GĦAD-DISPONIBBILTÀ TA’ 2,300 STUDENT GĦAWDXI

pr1267
Date Icon 05/06/2012

2,300 student Għawdxi li jattendu l-iskejjel primarji f’Għawdex ser ikollhom għad-disponibbiltà tagħhom f’kull klassi, kontenitur tal-kartun għar-riċiklaġġ tal-karti. “B’hekk intom ukoll ser tkunu qed tikkontribwixxu fil-ħidma għal Għawdex aħjar.” Hekk qalet l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex f’attività li ttellgħet fl-Iskola Primarja ta’ Kerċem fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent li matulha ġiet imnedija din l-inizjattiva.

Il-kontenituri għar-riċiklaġġ tal-karti huma mfassla b’mod li jattiraw l-attenzjoni tat-tfal, b’disinni li jistgħu jiġu kkuluriti mit-tfal infushom. Fost id-disinni hemm Kikku, ir-rappreżentant tat-tfal għal Eko Għawdex, li kien preżenti wkoll għal din l-attività, li bdiet b’ġest simboliku ta’ tfiegħ ta’ karti ħżiena fil-kontenituri minn xi studenti ta’ din l-iskola primarja.

L-Onor. Giovanna Debono qalet li din hija ħolqa waħda fil-katina ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-Ministeru għal Għawdex biex jiġu promossi prattiċi ambjentali tajbin, filwaqt li jitnissel sens ta’ responsabbiltà fost it-tfal Għawdxin b’risq l-ambjent. Żiedet tgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal ser ikunu jistgħu jitfgħu l-karti ħżiena f’dan il-kontenitur tal-kartun magħmul minn kartun riċiklat, sabiex eventwalment anke l-karti li jarmu jintbagħtu għar-riċiklaġġ. Dawn il-kontenituri ser jitqassmu wkoll f’postijiet pubbliċi madwar Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet inizjattiva simili li wkoll hija parti mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Eko Għawdex 2010 – 2012, li permezz tagħha kienu ġew imqassma compost bins fl-iskejjel kollha madwar Għawdex, sabiex l-iskart organiku jsir compost u jintuża fil-ġonna tal-istess skejjel. Hija ħeġġet lill-istudenti u lill-edukaturi tagħhom biex jużaw dawn il-kontenituri fl-iskola, filwaqt li jippruvaw jadottaw l-istess prattiċi fi djarhom. B’hekk f’Għawdex tkompli tinfirex il-mentalità ta’ responsabbiltà fl-immaniġġjar tal-iskart.

Inizjattivi edukattivi oħra marbuta ma’ Eko Għawdex jinkludu t-tnedija tal-kanzunetta u l-filmat ‘Ma’ Kikku għal Eko Għawdex’, it-tnedija tad-Djarju ta’ Kikku u sezzjoni mis-sit elettroniku www.ecogozo.com iddedikata għat-tfal. Sadanittant, bħalissa tinsab għaddejja l-kampanja Naqqas u Ffranka, fejn grupp ta’ uffiċjali li ġew imħarrġa apposta, qed jagħtu pariri lir-residenti Għawdxin dwar benefiċċji marbuta mat-tnaqqis tal-enerġija, il-konservazzjoni tal-ilma, l-użu ta’ teknoloġija sostenibbli u sistemi li jiġġeneraw l-enerġija b’mod sostenibbli, kif ukoll separazzjoni tal-iskart. Qed jitqassmu wkoll fuljetti f’kull dar f’Għawdex b’informazzjoni u pariri utli għall-familji Għawdxin. Din il-kampanja qed issir permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow