STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
L-Oppożizzjoni mitluba tispjega
F’artiklu ppublikat f’L-Orizzont ta’ llum, id-deputat tal-Oppożizzjoni l-Onor. Joe Sammut illum qal li l-Gvern Malti jmissu qatt m’aċċetta l-kwota tat-tonn li ġiet stipulata mill-ICCAT. Hu qal ukoll li l-kwota għas-sajd tat-tonn inqasmet bejn is-sajjieda u purse-seiners.
L-Oppożizzjoni trid tispjega u tgħid jekk tkun fil-Gvern hix beħsiebha tinjora l-obbligi li daħlet għalihom il-komunità internazzjonali, mhux biss l-Ewropa, dwar miżuri ta’ konservazzjoni favur ċertu speċi ta’ ħut? L-Oppożizzjoni għandha tiċċara wkoll għaldaqstant hijiex lesta li tpoġġi fil-periklu lis-sajjieda għax tesponi s-sajd Malti għal sanzjonijiet mill-istituzzjonijiet internazzjonali?
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jiċċara li mhux minnu li l-Gvern qasam il-kwota nazzjonali tat-tonn bejn longliners u purse-seiners. Kieku sempliċiment staqsa kien ikun jaf li l-Gvern din is-sena, bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda, ħalla jaħdmu biss bastimenti longliners.
L-Onor Sammut fl-artiklu tiegħu ħa numru ta’ żbalji li jikkonfermaw kemm hu maqtugħ mir-realtajiet tas-settur fosthom meta jirreferi għas-sajd tal-pixxispad. Għal sajd ta’ din l-ispeċi ma teżisiti l-ebda kwota u għaldaqstant il-metodu użat għas-sajda huwa rrilevanti. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-qbid tal-pixxispad permezz tal-purse-seiner huwa llegali. Fis-settur tal-pixxispad daħlu regolamenti dwar daqs minimu tal-ħut li jrid jinqabad kif ukoll perjodu ta’ closed season.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017