STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
B’reazzjoni għall-istqarija tal-Onor Leo Brincat
L-Onor Leo Brincat jibqa’ jirrepeti l-istess diska dwar il-liġi tat-tibdil fil-klima minkejja li ngħata t-tweġibiet saħansitra fil-Parlament.
L-ewwel li jrid jingħad hu li pajjiżna diġà marbut legalment b’miri stabbiliti li jridu jintlaħqu bħala parti mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
L-Onor Brincat meta kien ħareġ b’mozzjoni ta’ 150 kelma tliet snin ilu, kien diġà spjegat lilu fil-Parlament, li l-Gvern qatt ma kien kontra li jkollna leġislazzjoni, tant li l-kontro-mozzjoni tal-Gvern kienet titlob “lill-Gvern sabiex iwettaq din l-istrateġija bl-aħjar mod possibbli, inklużi miżuri amministrattivi u/jew leġiżlattivi”. Dan seħħ propju għax l-ewwel kellhom jitlestew il-miżuri u l-proposti tal-istrateġiji, kemm dik tal-mitigazzjoni kif ukoll dik tal-adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-Gvern issa jrid li jsaħħaħ il-liġi diġà stabbilita biex il-liġi tħares lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiż partikolarment fir-rigward tal-adattament tat-tibdil fil-klima.
Għalhekk issa li l-istrateġiji huma finalizzati, il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali waqqaf kumitat bejn l-Environmental Law and Resources Law Department fl-Università ta’ Malta u l-Avukati tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali li huma speċjalizzati fuq il-liġi tal-bidla fil-klima biex ifasslu l-abbozz tal-liġi.
B’din l-istqarrija l-Onor Brincat qed jipprova jgħatti xturu għax għal darb’oħra, naqas u ma ndenjax ruħu jikkontribwixxi fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li sar. Dan jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni tilgħab għall-gallarija.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017