Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI B’REAZZJONI GĦALL-KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET TAL-ONOR. LEO BRINCAT

pr1256
Date Icon 02/06/2012

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onor Leo Brincat

Irid ikun iċċarat li l-Awtorità kompetenti, li f’dan il-każ hi d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja, ftit tax-xhur ilu, ħarġet korrispondenza bi struzzjonijiet ċari lill-Awtoritajiet kollha konċernati, lill-Aġenti tal-vapuri kollha, u lil kull min joffri servizz lill-ajruplani, biex ir-regolamenti attwali f’dan il-qasam jiġu segwiti b’attenzjoni.

Dawn l-istruzzjonijiet kienu speċifiċi għal fdalijiet tal-ikel kollu li jitniżżel minn ajruplani li ma jkunx ġej minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u għall-iskart kollu li jitniżżel minn fuq vapuri li ma joriġinawx minn port fl-Unjoni Ewropea u speċjalment għal dawk il-vapuri li jkunu ġejjin minn portijiet Libjani. L-istruzzjonijiet kienu ntiżi wkoll lejn l-ikel kollu li vjaġġaturi mil-Libja setgħu ġabu magħhom kif ukoll l-istruzzjonijiet jindirzzaw il-ħatt ta’ karozzi, trakkijiet u merkanzija minn fuq vapuri li joriġinaw minn portijiet Libjani.

L-istruzzjoniijet qed jobligaw lill-aġenti tal-vapuri javżaw lill-Awtorita’ kompetenti kemm jista’ jkun qabel; bil-wasla tal-vapuri mill-portijiet Libjani, jiddikjaraw il-merkanzija li hemm abbord u jiddikjaraw ukoll jekk dawn il-vapuri humiex ħa jniżżlu skart minn fuq il-vapur waqt li jkun fil-port f’Malta.

Il-merkanzija tiġi evalwata u tingħata awtorizzazzjoni tistax tinħatt jew le. Fil-każ li jkun ħa jinħatt xi skart uffiċjal tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jkun preżenti fil-port biex jara li l-iskart kollu li jinħatt jinġarr b’mod adekwat u magħluq ġo boroż tal-plastik doppji, biex jittieħed direttament fl-inċineratur tal-Marsa u jinħaraq kif inhu mitlub mir-regolamenti.

Il-merkanzija kollha li titnizzel l-art minn vapuri li joriġinaw minn portijiet Libjani trid tkun awtorizzata biex titniżżel f’Malta mill-Awtorita’ kompetenti. Dik li tingħata l-permess titniżżel l-art trid tiġi awtorizzata għaliex hi kkunsidrata li tista’ ġġib magħha l-infezzjoni tal-ilsien u d-dwiefer. Ġieli kien hemm merkanzija li kienet kkunsidrata ta’ riskju li ma ġietx mgħotija l-awtorizzazzjoni biex titniżżel l-art u li reġgħet lura lejn il-Libja fuq l-istess vapur.

Il-fdalijiet tal-ikel kollhu li jitniżżel fl-ajruport internazzjoni ta’ Ħal Luqa, minn titjiriet internazzjonali (mhux minn pajjiżi Ewropej) jinġabru u jiġu ppakkjati f’boroż doppji u magħluqin u jiġu konsenjati minn uffiċjali tad-Dipartiment għar-Regolament Verterinarju lill-Wasteserv biex jinħarqu kif jitolbu r-regolamenti Ewropej. Dawn il-konsenji jsiru regolarment u huma dokumentati.

Minn kemm ilhom li nħarġu dawn l-istruzzjonijiet tajjeb jingħad li kien hemm okkażjonijiet li ġew konfiskati wkoll kwantitajiet ta’ ikel mill-bagalji ta’ vjaġġaturi li kienu qed jaslu mil-Libja, u li wkoll ġew magħluqin f’boroż doppji u kkonsenjati lil Wasteserv mill-uffiċjali tar-Regolament Veterinarju biex jiġi inċinerati. Anki dawn il-konsenji huma dokumentati.

L-Onor. Brincat imissu jaf li l-inċineratur tal-Marsa huwa l-uniku stabbiliment  għall-inċinerazzjoni approvat skont standards Ewropej biex jitratta materjal ta’ din in-natura. Tajjeb jingħad li fl-inċineratur tal-Marsa jiġi maħruq skart perikoluż u skart tal-annimali fost oħrajn. L-iskop tal-inċineratur hu propju biex dan it-tip ta’ skart jinħaraq biex ikun evitat kull tip ta’ perikolu għas-saħħa pubblika. Tajjeb jingħad li l-Wasteserv tirċievi karkassi ta’ annimali li joriġinaw minn farms Maltin. L-oriġini ta’ kull karkassa li  tirċievi l-Wasteserv hija dokumentata.

Il-Ministeru hu infurmat li minn meta nħarġu dawn l-istruzzjonijiet qatt ma kien hemm karkassi tal-annimali jew partijiet ta’ karkassi li oriġinaw mill-Afrika ta’ Fuq li ngħataw lill-Wasteserv. Għalhekk jekk l-Onor. Brincat għandu xi informazzjoni għandu l-obbligu u d-dover li jgħaddi l-informazzjoni lill-Awtorita’ kompetenti.

Madanakollu l-Ministeru u l-Awtorita’ kompetenti m’għandhom l-ebda oġġezzjoni li ssir inkjesta indipendenti biex tkun tista’ tikkonferma li Malta qed taqdi l-obbligi u d-doveri tagħha kollha bl-aħjar mezzi eżistenti legali u awtorizzati kif mitluba mill-istess liġijiet Maltin tal-Unjoni Ewropea.

L-Onor. Brincat illum prova jiżra l-biża’ fost il-pubbliku, u kontra ta’ dak li qed jagħmel il-gvern, ma ħareġ bl-ebda idea dwar is-saħħa pubblika.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow