L-ISKEMA MICROINVEST TKOMPLI SSAĦĦAĦ LIN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR
“Negozji żgħar qed ikomplu jibbenefikaw b’suċċess mill-iskema Microinvest u b’rizultat ta’ dan qed iżidu l-impjiegi u jkabbru n-negozju tagħhom”. Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi fi żjara li għamel kmieni waranofsinhar fil-kumpanija Solar Solutions li bbenefikat mill-massimu ta’ kreditu f’taxxa mill-iskema Microinvest, li jammonta għal 25,000 ewro.
Il-kumpanija li tispeċjalizza fil-qasam tal-panelli fotovoltajici ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 7 snin, meta fl-2005 tliet iħbieb fetħu dan in-negozju bejniethom. Solar Solutions toffri servizzi ta’ konsultazzjoni u tibbaża ħafna x-xogħol tagħha fuq ir-riċerka. Il-Kumpanija timporta l-prodotti tagħha minn madwar id-dinja kollha, partikolarment mill-Ġermanja, il-Ġappun u l-Ingilterra.
Fl-2009 Solar Solutions bbenefikat mill-iskema Microinvest u kompliet tikber fejn dak iż-żmien kienet timpjega magħha 9 persuni. Il-kumpanija tant rat potenzjal sabiex tkabbar l-operat tagħha, li llum timpjega magħha 34 persuna. Barraminnhekk Solar Solutions ingħatat ukoll żewġ ċerifikati; l-ISO 9001 u l-ISO 14001. Dawn huma ċertifikati ta’ standard rikonoxxut internazzjonalment ma’ ‘l fuq minn miljun organizazzjoni madwar id-dinja. L-istandard jassigura illi l-kumpanija tkun ippreżentat livell għoli ta’ sodisfazzjon lill-konsumaturi tagħha.
Is-Sur David Zammit, Direttur Ġenerali tal-kumpanija qal li minn mindu Malta ssieħbet bħala membru sħiħ fl-UE, l-kumpanija rat potenzjal qawwi li tinvesti f’dan is-settur li aktar kemm ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-pubbliku qed isir konxju u jitgħallem dwar kif għandu jiffranka l-enerġija.
Fil-kummenti li ta’ lill-media preżenti, il-Ministru Azzopardi faħħar l-impenn ta’ din il-kumpanija li għarfet tisfrutta tajjeb l-iskemi li qed joffri l-Gvern, biex b’hekk setgħet tikber u żżid l-impjiegi. Huwa spjega kif il-Gvern se jkun qed jinvesti matul is-snin li ġejjin ’l fuq minn 3.5 miljun Ewro biex binjiet tal-Gvern ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Spjega wkoll, li fix-xhur li ġejjin se jinbeda proġett ambizzjuż fejn 67,000 metru kwardu ta soqfa ta’ bini pubbliku se jinksew b’sistemi ta’ panelli fotovoltaiċi. Il -Ministru Azzopardi qal li skema bħal din qed tiffranka eluf ta’ flus mill-but tan-negozji Maltin u Għawdxin. Huwa spjega li filwaqt li l-Gvern naqqas it-taxxi , qed jinvesti aktar fl-Edukazzjoni, fis-Saħħa u fit-taħriġ tal-ħaddiema. Qal ukoll li meta ċ-ċittadin Malti qed iħallas inqas income tax, dan qed jonfoq aktar u b’hekk qed jiżdied in-negozju u l-kummerċ f’pajjiżna. Dan kollu qed jirriżulta għat-tkabbir ekonomiku, żieda fl-impjiegi b’pagi tajbin.
Fl-istess żjara l-Ministru Azzopardi żar ukoll lill-VC Petrol Station li tinsab biswit l-kumpanija Solar Solutions li bbenefikat minn 60,000 ewro mill-fondi Regjonali tal-Unjoni Ewropea, sabiex setat tinvesta f’panelli fotovoltaici li saru mill-kumpanija Solar Solutions stess. Il-Ministru qal li dan huwa ezempju ċar li n-negozji żgħar qed jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-fondi u skemi oħra mħaddma mill-Gvern sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017