Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT

pr1249
Date Icon 01/06/2012

Id-direzzjoni ekonomika tal-Gvern qed tissarraf f’aktar postijiet tax-xogħol

Il-politika ekonomika u finanzjarja responsabbli tal-Gvern qed twassal biex pajjiżna joħloq aktar postijiet tax-xogħol u tkompli tonqos ir-rata ta’ qgħad. Statistika ppubblikata dalgħodu mill-Eurostat turi li fl-aħħar tnax-il xahar, il-qgħad f’pajjiżna niżel minn 6.8% għal 5.7% Dan fl-istess perjodu meta l-qagħda fl-Unjoni Ewropea tela’ minn 9.5% għal 10.3%, u fiż-żona Ewro saħansitra għal 11%.

Pajjiżna issa għandu l-ħames l-aktar rata baxxa ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, li tinsab fil-livell ta’ dawk tal-aqwa pajjiżi f’termini ta’ ħolqien tax-xogħol, il-Ġermanja, l-Olanda u Lussemburgu.

Pajjiżna kellu tnaqqis ukoll ta’ 1.2% fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u għandu r-raba’ lanqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea fost iz-żgħażagħ.  Anke f’dan il-każ, il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa kompla tiela’ ‘l fuq, minn 20.9% għal 22.4%.

Dawn ir-riżultati ġew minkejja l-inċertezza li l-Oppożizzjoni kontinwament tipprova toħloq f’pajjiżna. F’4 snin f’pajjiżna inħolqu 20,000 impjieg ġdid.   Iż-żieda fl-impjiegi u t-tnaqqis fil-qgħad f’pajjiżna tirrifletti l-inċentivi li fl-aħħar snin il-Gvern ħoloq għall-industrijalisti u s-sidien ta’ negozji. Dawn l-inċentivi wasslu biex fl-aħħar erba’ snin ġew approvati xejn anqas minn 130 proġett ta’ fabbriki ġodda jew estensjonijiet, b’investiment ta’ 323 miljun Ewro li fissru 3,400 post tax-xogħol ġdid. Wasslu biex twaqqfu xejn anqas minn 9,266 kumpanija ġdida.

Wasslu, biex l-iżgħar intrapriżi f’pajjiżna ħolqu mijiet ta’ impjiegi oħra grazzi għal għajnuniet li ħadu minn skemi bħal MicroInvest, il-MicroCredit u l-iskemi ta’ fondi Ewropej fejn 42 milljun Ewro ġew allokati biex jgħinu lill-intrapriżi ta’ pajjiżna fosthom dawk għall-kompetittività internazzjonali, innovazzjoni, e-business, ir-riċerka u l-iżvilupp, inizjattivi favur l-ambjent u għajnuni lill-kumpaniji fil-bidu tagħhom.

Il-ħolqien tax-xogħol huwa riżultat tal-istabbiltà finanzjarja li għandna f’pajjiżna, li huwa wieħed mill-ftit fiż-żona tal-Ewro li jilħaq il-kriterji stabbiliti fuq livell Ewropew. Din is-sena stess, il-Fond Monetarju Internazzjonali ddeskriva d-direzzjoni u l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-finanzi bħala ‘impressjonanti’.

Fuq kollox, huwa riżultat ta’ serħan tal-moħħ, fejn is-sid ta’ negozju jagħraf x’inhi l-politika u d-direzzjoni tal-Gvern u għalhekk huwa kunfidenti li jkompli jinvesti u joħloq bix-xogħol għal Maltin u l-Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow