Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-LAQGĦA TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC, ĠEWWA DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 31 TA’ MEJJU 2012

pr1242
Date Icon 31/05/2012

Onorevoli Ministru,

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea,

Membri tal-MEUSAC,

Huwa ta’ pjaċir għalija li nkun hawn magħkom għal din il-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC.  Dan il-Kumitat stabbilixxa ruħu sew fil-qafas konsultattiv ta’ pajjiżna u l-Gvern huwa grat lejn ix-xogħol kollu tagħkom.  Flimkien, Gvern u soċjetà ċivili, qegħdin inkomplu nfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna bħala membru fl-Unjoni Ewropea.

Din il-laqgħa qiegħda ssir f’kuntest partikulari ħafna.  L-isfidi tal-Unjoni Ewropea speċjalment taż-żona ewro ma naqsux.  Kellna u għandna sitwazzjonijiet volatili u delikati.

Qegħdin ngħixu f’Ewropa li qiegħda tiffaċċja numru ta’ sfidi fuq livell ekonomiku fosthom ix-xogħol, it-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-qagħda tal-finanzi pubbliċi ta’ numru ta’ pajjiżi.

Dawn l-isfidi mhumiex esklussivi għal xi pajjiż jew ieħor.  L-effett ta’ pajjiż jista’ jkollu effetti fuq pajjiżi oħra, fosthom Malta.  Għalhekk, huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-politika ekonomika ta’ pajjiżna tkompli tirrifletti l-għaqal, il-bżulija, il-maturità u r-responsabbiltà.

Illum, jekk nagħtu ħarsa madwarna naraw ir-riżultat ta’ politika ekonomika li ma ħarsitx lejn it-tul u s-sostenibbiltà.  Naraw ir-riżultat ta’ politika li ħarset lejn l-interess popolari.  Diversi pajjiżi qed jaraw qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, żieda ta’ taxxi u deficits li jirrikjedu miżuri ta’ awsterità u b’konsegwenza staġnar ekonomiku.

B’kuntrast għal dan ix-xenarju naraw ir-riżultati ta’ pajjiżna.

Fl-2011, Malta rreġistrat rata ta’ tkabbir aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea u taż-żona ewro.

Inħolqu 20,000 post tax-xogħol f’erba’ snin.  Fl-2011, kellna t-tielet l-aktar rata mgħaġġla fil-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea

Pajjiżna rreġistra s-sitt l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea u fost l-inqas rati fost iż-żgħażagħ.  Malta għandha r-raba’ lanqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2011, Malta kellha deficit anqas mir-rata stabbilita ta’ 3% tal-Prodott Gross Domestiku. 

L-ebda minn dawn ir-riżultati ma ġew b’kumbinazzjoni.  Huma kollha frott politika mibnija fuq ir-responsabbiltà, il-bżulija, il-kuraġġ li jittieħdu d-deċiżjonijiet u t-twemmin li x-xogħol huwa l-pedament tas-suċċess ekonomiku.

Pajjiżna ġie mfaħħar kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn aġenziji internazzjonali oħra fosthom l-ILO, l-IMF u n-Nazzjonijiet Uniti għar-riżultati ekonomiċi ta’ pajjiżna.  Pajjiżna mhux biss jissemma fir-rapporti imma kemm-il

darba wkoll waqt id-diskussjonijiet ma’ mexxejja Ewropej li jsemmu lil Malta f’dan il-kuntest pożittiv. 

L-importani quddiem dan kollu hu li rridu nibqgħu fit-triq li qbadna.  L-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq strateġija bl-għan aħħari li jinħoloq ix-xogħol.

L-ewwel pilastru hi l-konsolidazzjoni fiskali.  Ma jistax ikollna Ewropa, pajjiżi b’saħħithom jekk ma jkollhomx il-finanzi pubbliċi fuq qafas sod u sostenibbli.  Ma jistax ikollna tkabbir sostenibbli jekk ma nimmirawx lejn il-miri fiskali.  Pajjiżna rnexxielu.  Naqqasna d-deficit taħt it-3% fl-2011 meta fl-2008 kien 4.6%.  Kellna t-tielet l-akbar tnaqqis bejn l-2008 u l-2011 minkejja li komplejna ninvestu fil-proġġeti, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fil-qasam soċjali.   Fl-istess ħin il-ħaddiem Malti jħallas l-anqas rata ta’ taxxa fl-Ewropa. 

Kull Gvern irid aktar minn qatt qabel ikejjel kull proposta mal-impatt fuq il-qagħda fiskali tal-pajjiż. 

Jorbot ma’ dan hemm it-tieni pilastru li huwa r-rieda politika li jsiru riformi strutturali.  Ir-riformi, għalkemm jistgħu ma jkunux faċli, ikun hemm bżonnhom biex pajjiż jimxi ‘l quddiem.  Tul dawn l-erba’ snin pajjiżna għamel numru ta’ riformi kbar fosthom il-privatizzazzjoni tat-tarzna u t-trasport pubbliku.  Hekk pajjiżna jista’ jinvesti b’mod aktar produttiv fl-edukazzjoni, fis-saħħa u f’tant proġetti li qed joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema.

It-tielet pilastru hu l-investiment favur tkabbir ekonomiku u li joħloq ix-xogħol.  Fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li kellna, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barrosso saħaq fuq l-importanza tal-użu għaqli tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. 

Malta qed tinvesti l-flus allokati mill-Unjoni Ewropea f’investiment fil-poplu u fis-soċjetà tagħna.  Qegħdin ninvestu fi proġetti li qed ikattru l-investiment u qed joħolqu x-xogħol.  Qegħdin ninvestu fit-turiżmu, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura.  Fost dawn il-proġetti insibu:

  • 12-il skema għall-intrapriżi żgħar u medji b’investiment ta’ €83 miljun.  Permezz ta’ dawn l-iskemi sidien ta’ negozji u fabbriki qed jingħataw għajnuna finanzjarja u qed jinvestu aktar u b’hekk joħolqu aktar impjiegi;
  • Għamilna skemi għall-operaturi turistiċi biex jinvestu fl-istabbilimenti tagħhom u b’hekk insaħħu l-industrija tat-turiżmu;
  • Għamilna programmi ta’ taħriġ fejn aktar minn 57,000 persuna, jew 37% tal-labour force, ġew imħarrġa;
  • Qed ninvestu fl-edukazzjoni bi programm ta’ investiment fl-Università, fl-MCAST, inkluż f’Kampus ġdid għal 10,000 student u studenta u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex;
  • Lill-istudenti qed nagħtuhom scholarships biex ikomplu javvanzaw u jispeċjalizzaw fl-istudji tagħhom;
  • Fis-saħħa, bħalissa għaddej il-bini taċ-Ċentru għall-kura tal-kanċer – ċentru li se jkun akbar milli għandna llum fl-Isptar Boffa;
  • B’fondi tal-Unjoni Ewropea għamilna u qed nagħmlu proġetti biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies – tisbiħ tax-Xatt ta’ San Pawl il-Baħar, b’titjib tal-impjant ta’ Sant’Antnin; rijabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab u tal-Qortin biex dawn jinbidlu f’parks għall-familji;
  • Qed ninvestu €57 miljun f’toroq ġodda u li jfissru xogħol għal 1,500 ħaddiem;
  • Qed ninvestu fil-patrimonju ta’ pajjiżna fosthom ir-restawr tas-swar;
  • Investejna f’impjanti tat-tisfija tal-ilma li permezz tagħhom Malta għandha t-tieni l-aħjar ilma baħar għall-għawm;
  • Qed ninvestu wkoll f’Għawdex bi skemi ta’ impjiegi, infrastruttura u toroq arterjali ġodda, f’faċilitajiet ġodda tas-saħħa u fiċ-Ċentru tal-MCAST f’Għawdex.  Investiment fin-nies.  Sal-lum diġà ġew allokati €71 miljun għal Għawdex.

Dawn huma wħud mill-158 proġett u inizjattivi li qed isiru sa issa b’finanzjament  mill-Unjoni Ewropea għall-budget li għandna bħalissa li jwassalna sal-2013. 

Hawn nixtieq nirringrazzja lill-MEUSAC li bl-għajnuna tagħha qegħdin isiru aktar minn 100 proġett ieħor b’€16 miljun b’fondi Ewropej.  Intom ħolqa oħra fil-katina sħiħa ta’ proġetti li qed joħolqu x-xogħol u jkattru t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.

Sinjuri,

Il-viżjoni tagħna għal pajjiżna hi mibnija fuq ix-xogħol, l-edukazzjoni u li jkollna poplu b’saħħtu li jgawdi kwalità ta’ ħajja għolja.  

Konxji tal-potenzjal ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti. Nemmnu f’dan il-potenzjal.  Għax ambizzjużi qegħdin ninvestu fis-setturi ekonomiċi filwaqt li qegħdin inweldu setturi ġodda bħal dak tal-bijomediċina u digital gaming.  Fl-istess waqt qed naraw l-espansjonijiet fis-setturi finanzjarji, tal-manifattura, tal-avjazzjoni u tant oħrajn.

L-istrateġija ekonomika ta’ pajjiżna hi ċara.  Qegħdin noħolqu ambjent favorevoli għall-investiment privat lokali u barrani u l-Gvern qiegħed jinvesti l-fondi nazzjonali u dawk mill-Unjoni Ewropea fi proġetti produttivi li qed jiġġeneraw aktar investiment, joħolqu aktar xogħol u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

It-triq li qbadna bħala pajjiż qed tħalli l-frott tagħha.  Irridu nkomplu nkunu responsabbli u maturi fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum.  Deċiżjoni waħda tista’ tirrovina dak li ksibna.  Irrid nirringrazzja lis-settur ċivili ta’ pajjiżna, il-unions tal-ħaddiema u l-għaqdiet ta’ min iħaddem. 

Ħdimna flimkien. 

Iddiskutejna, ikkonsultajna u ħadna d-deċiżjonijiet.  U hekk irridu nkomplu nagħmlu. 

Grazzi lilkom ta’ dak li għamiltu sa issa u dak li se tkomplu tagħmlu fil-MEUSAC.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow