DISKORS MILL-ONOR. DR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-FTUĦ TA’ SEMINAR TA’ TAĦRIĠ GĦALL-PROFESSJONISTI TAS-SAĦĦA DWAR KIF TISTA TGĦIN PERSUNI JIEQFU MIT-TIPJIP FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI BLA TIPIJIP
Għeżież kollegi,
Nixtieq nilqagħkom għall-ftuħ ta’ dan is-seminar, fejn se tingħata għodda informattiva biex b’hekk takkwistaw ħiliet biex tgħinu n-nies jitħajru jieqfu mit-tipjip.
Riċerka mħejjija mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, turi li madwar id-dinja jmutu 5.4 miljun persuna kull sena, fosthom 650,000 Ewropew, minħabba l-użu tat-tabakk u mard relatat mat-tipjip. Fl-Ewropa biss l-imwiet jammontaw daqs il-popolazzjoni ta’ Malta u nofs kull sena! Sfortunatament, it-tabakk hu prodott legali li joqtol u jagħmel ħsara lil kull min ipejjep u lil kull min hu espost għad-duħħan tiegħu. Fil-fatt joqtol madwar 50% ta’ dawk li jużawh. Ħadd fost dawk in-nies li jpejpu ma jista’ jkun jaf jekk hux se tolqot lilu jew le, ħlief meta jkun tard wisq. Sas-sena 2030 hu stmat li fid-dinja l-mwiet se jiżdiedu għal aktar minn 8 miljun fis-sena.
Għalkemm ħafna minn dawn l-imwiet jiġru f’pajjiżi fejn għadhom qegħdin jiżviluppaw, irridu nammettu li t-tabakk xorta għadu problema f’pajjiżna u qed jagħmel ħsara kemm lill-poplu tagħna kif ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna. Fis-sena 2010 it-tabakk kien kaġun ta’ 366 mewt li tfisser mewt ta’ persuna kuljum minħabba it-tipjip.
Dan xorta qed jigri minkejja l-fatt li l-imwiet kawża tat-tipjip jistgħu jkunu evitati. Hemm xi uħud li jieqfu iżda hafna oħrajn jibqgħu jużaw it-tabakk tul is-snin u b’hekk ikunu suġġetti għal aktar mard. Mard ikkaġunat mit-tabakk għandu piż fuq is-soċjetà għaliex ikun meħtieġ aktar assistenza medika li b’konsegwenza żżid il-piż ekonomiku f’pajjiżna. Però l-agħar ħaġa hi li b’mod aktar dirett taffettwa ħażin lil persuna individwali u lill-familja tiegħu. It-tabakk jaffettwa l-produttività fid-dinja tax-xogħol u l-impieg fih innifsu. Dan finalment jirifletti fuq is-soċjetà u fuq l-infieq ġenerali ta’ pajjizna li jolqot direttament liċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni ta’ xejn.
Minkejja l-leġislazzjoni u l-azzjonijiet kollha li saru u li għadhom jsiru, mhux daqshekk faċli li tikkonvinċi n-nies biex jieqfu. Għalkemm pajjiżna hu żgħir b’limitazzjonijiet fir-riżorsi tagħna, imxejna passi ta’ ġgant f’dak li huma miżuri ta’ kontroll tat-tabakk. Meta nqabblu dawn is-servizzi u l-isforzi tagħna ma’ dawk ta’ pajjiżi Ewropej hemm ċerti aspetti li qegħdin minn ta’ quddiem u oħrajn li qegħdin mexjin fuq l-istess livell.
Huwa biżżejjed li nsemmu li fis-sena 2004 pajjizna ħa l-inizzjattiva biex tiġi ntrodotta l-ligi kontra t-tipjip f’postijiet pubbliċi. Saru diversi inizjattivi oħra bħal kampanji ta’ għarfien dwar il-ħsara tat-tabakk f’diversi postijiet fosthom fil-komunità, postijiet tax-xogħol u skejjel. Iffukanja wkoll fuq it-tfal u tfajliet u offrejna diversi klassijiet għall-waqfien mit-tabakk. Però xorta, jibqa’ l-fatt li kwasi 26% ta’ nies f’Malta għadhom ipejpu. Hu ċar li dawn in-nies għadhom mhumiex jagħrfu biżżejjed ir-riskji fuq saħħithom u l-possibiltà ta’ mewt prematura. Dan il-fatt jista’ jiskoraġixxi xi uħud minnkom preżenti milli tkunu konsistenti u/jew li tipperserseveraw fit-tħeġġiġ tagħkom ma’ dawn l-individwi li qegħdin fir-riskju.
Fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja u s-saħħa huma wisq ta’ valur biex ma jingħatawx il-prijorità. It-tipjip huwa l-kawża waħdenija ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati kemm f’Malta u madwar id-dinja. Bħala Ministru nixtieq nisħaq fuq il-fatt li għalkemm il-Ministeru tas-Saħħa l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità qed jagħmel ħafna sforzi biex jintnaqqas it-tipjip, intom ukoll, bħala professjonisti għandkom rwol ferm importanti f’dan il-qasam. In-nies, il-pazjenti tagħkom għandhom fiduċja kbira fikom. Għaldaqstant għandkom l-aħjar opportunità biex tgħinu lil dawk minnhom li jpejpu jbiddlu l-imġieba billi tiggwidawhom u tgħinuhom biex jieqfu jpejjpu.
Kif semmejt fil-bidu, l-għan ta’ dan is-Seminar hu intenzjonat sabiex tingħataw informazzjoni prattika u utli biex b’hekk tgħinu lin-nies jieqfu mit-tipjip. Għaldaqstant nirringrazzjakom tal-impenn u l-kontribut tagħkom sabiex flimkien noħolqu kultura bla tipjip filwaqt li nawguralkom seminar li jħalli l-frott xieraq.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017