AKTAR MINN €100,000 OĦRA F'GĦOTJIET MILL-GVERN LILL-NGOs
Ser isiru 9 proġetti li jinkludu t-tkabbir tat-turiżmu u l-integrazzjoni tar-refuġjati fost l-oħrajn
Waqt attività fil-pjazza quddiem il-Katidral tal-Imdina, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Chris Said, qassam b'aktar minn €100,000 lil ħames Għaqdiet mhux Governattivi li bejniethom ser iwettqu disa’ proġetti b’fondi mill-Unjoni Ewropea.
Il-benefiċċarji tal-fondi li tqassmu waqt din l-attività huma SOS Malta, li qed iwettqu 4 proġetti, il-Malta Aviation Museum Foundation, il-Maltese Italian Business Chamber, Kopin li jinsabu involuti f’żewġ proġetti, u l-Fondazzjoni Ulied Ħal Qormi.
Il-proġetti li qed isiru minn dawn il-ħames NGOs ivarjaw fin-natura tagħhom, minn wieħed li jindirizza l-qerda tal-faqar madwar id-dinja għal proġett edukattiv dwar l-afforestazzjoni u l-konsum sostenibbli. Ser isiru wkoll proġetti li ser isaħħu t-turiżmu lejn pajjiżna permezz ta' ħidma li ser iżżid il-kollaborazzjoni bejn Malta, Għawdex u Sqallija biex ikun hawn żieda fl-attività ekonomika fost l-operaturi turistiċi. Proġetti oħra jindirizzaw il-promozzjoni interattiva tar-refuġjati mas-setturi differenti tal-komunità Maltija, fejn permezz tal-ikel tradizzjonali ta' pajjiżhom, ir-refuġjati joħolqu l-interess fil-kulturi differenti tagħhom.
Filwaqt li awgura lill-NGOs kollha fit-twettiq tal-proġetti tagħhom, il-Ministru Chris Said tkellem ukoll fuq ir-rwol importanti li l-NGOs kollha għandhom fis-soċjetà Maltija u Għawdxija u għalhekk stedinhom biex ikomplu jagħmlu użu mill-għodda li l-Gvern għandu disponibbli biex jgħinhom fil-promozzjoni u l-iffinanzjar tal-proġetti.
Il-Ministru Said fakkar kif permezz tal-Fond ta' Ko-Finanzjament għall-NGOs, il-Gvern jgħin lill-Għaqdiet mhux Governattivi biex ilestu l-proġetti li ssottomettew għall-fondi Ewropej. Dan għaliex mill-Unjoni Ewropea, l-NGOs normalment jingħataw sa' massimu ta' 85% tal-fondi meħtieġa għall-proġetti tagħhom. Il-Ministru Said qal li kien għalhekk li l-Gvern ħaseb fil-ħolqien ta' dan il-fond biex il-fondi Ewropej ma jintilfux għaliex l-NGOs ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw il-bqija tal-proġetti tagħhom.
Il-Ministru Chris Said qal li permezz tal-fond ta' Ko-Finanzjament għall-NGOs, il-Gvern għen biex NGOs iwettqu 36 proġett differenti. Filwaqt li l-NGOs akkwistaw €11.3 miljun mill-programmi differenti tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti għaddielhom €800,000 oħra biex jgħinhom jiffinanzjaw is-sehem li suppost jinħareġ minnhom. Il-Ministru Said qal li kieku ma kienx għal din l-għajnuna tal-Gvern lill-NGOs, kieku miljuni ta’ ewro f’fondi mill-UE setgħu jintilfu.
Il-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb irrefera għall-ħidma tal-MEUSAC biex isaħħaħ ir-rwol tas-soċjeta' ċivili f'pajjiżna permezz tal-proċessi ta' konsultazzjoni u tal-għajnuna għal proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Żied jgħid kif f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs għen Kunsilli Lokali, NGOs u entitajiet oħra biex inkisbu madwar €16.5 miljun għal 109 proġetti jew inizjattivi differenti. Il-MEUSAC għen biex inkisbu fondi Ewropej għal 29 proġett ta’ NGOs li qed isiru b’aktar minn €3.8 miljun. Dawn jinkludu l-proġetti ERDF Tourism Schemes tal-Fondazzjoni Ulied Ħal Qormi u l-proġett ‘Empowering Private Sector Employees through Volunteering’ ta’ SOS Malta.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017