MESSAĠĠ MILL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. JOE CASSAR, WAQT BUSINESS BREAKFAST ORGANIZZAT MILL-AWTORITÀ DWAR IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL (OHSA) FLIMKIEN MAL-AĠENZIJA EWROPEA GĦAS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ FUQ IL-POST
Sur Chairman,
Ħbieb,
L-Għodwa t-tajba, u nirringrazzjakom tal-interess li wrejtu f’dan is-suġġett.
Għodda tal-ikbar utilita fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, huwa l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tar-riskju. Tradizzjonalment dan dejjem kien jikkonsidra riskji ovvji, bħalma huma riskji ta’ korriment minn magni, waqgħat mill-għoli, jew żelqiet.
Riċentament kiber ukoll ir-rikonoxximent dwar riskji oħra, speċjalment riskji li jistgħu jwasslu għal problemi muskoloskeletali jew ta’ stress. Minkejja li niffereru għal dawk ir-riskji bħala “riskji emerġenti”, dan ma jfissirx li kienux jeżistu, iżda jfisser li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar tinstab evidenza ta’ kemm huma kbar bħala problemi u kemm qed jaffettwaw nies.
Waħda mill-problemi li hawn Malta għadna ma napprezzawx id-daqs tagħha tikkonċerna r-riskji min-nar. Forsi għax naħsbu li l-binjiet tagħna, mibnija kważi kollha kemm huma mill-ġebel, huma ħielsa minn dan ir-riskju. Forsi għaliex ma tingħatax biżżejjed pubbliċità lill-konsegwenzi li jkun hemm wara li jkun hemm nar f’post tax-xogħol.
Li hu ċert hu li f’Malta jkollna diversi sitwazzjonijiet ta’ nar f’postijiet tax-xogħol kull sena, u li dan iħallu impatt kbir mhux biss fuq il-kumpanija nnifisha, li tkun tilfet il-bini, l-impjant u l-makkinarju, iżda wkoll fuq il-ħaddiema, kif ukoll, f’ħafna sitwazzjonijiet, fuq ir-residenti tal-viċin.
Minħabba f’hekk, huwa essenzjali li l-perikli u riskji assoċjati man-nirien, ikunu wkoll inklużi fl-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tar-riskju. Sabiex kull periklu jiġi evitat, kemm il-Management kif ukoll il-ħaddiema għandhom ikunu konxji ta` dawk ir-riskji li jistgħu jikkaġunaw nirien fuq il-post tax-xogħol u kif għandhom jaġixxu f`każ ta` emerġenza. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, iridu jkunu identifikati l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni, iżda wkoll iridu jkunu identifikati l-miżuri neċessarji biex ħaddiema u nies oħra li jinzertaw fuq il-post, ikunu jistgħu jitwasslu f’post sigur mill-iktar fis possibbli. Il-miżuri u s-sistemi neċessarji, jkunu jridu jikkunsidraw l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà.
Forsi minħabba l-fatt li l-konsegwenzi ta’ nirien jistgħu jkunu tant kbar li dan il-qasam huwa regolat minn tant liġijiet, u jirċievi daqshekk attenzjoni minn tant entitajiet differenti. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-objettiv ewlieni jista’ jintilef. Kien għalhekk propizju li l-OHSA ħasbet biex iġġib flimkien lil dawk l-entitajiet li għandhom rwol jew interess f’dan il-qasam, biex flimkien ma’ dawk li jipprovdu servizz f’dan il-qasam, jiddiskutu u jidentifikaw problemi.
Nawgura li permezz ta’ din l-attivita, jkunu identifikati problemi li jeħtieġu soluzzjoni, u li jkunu l-parteċipanti stess li jsibu u jirrakkomandaw dan l-istess soluzzjonijiet.
Nixtieq intemm dan il-messaġġ qasir tiegħi billi nirringrazzja lill-OHSA talli għal darba oħra wriet li hi entità proattiva u wara li kienet identifikata problema, għarfet tieħu l-inizjattiva li tlaqqa’ partijiet tas-socjetà ċivili b’interess komuni biex jiddiskutu temi ta` importanza komuni.
Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol tas-sapport li dejjem tat lill-OHSA, xhieda tar-rispett reċiproku li jeżisti bejn dawn iż-żewġ entitajiet.
Nixtieq nirringrazzja lilkom li qed tattendu għal din l-inzjattiva u nawguralkom ħidma siewja.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017