IL-MINISTRU CRISTINA TISĦAQ DWAR IL-ĦTIEĠA TAL-ĦARSIEN TAL-AMBJENT
Waqt li kienet qed tkellem studenti li jattendu l-iskola ta’ St. Francis f’Birkirkara, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina saħqet dwar il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent u ħeġġet lit-tfal biex kull fejn ikunu jassiguraw li huma u dawk ta’ madwarhom iħarsu l-ambjent għax ambjent nadif hu fl-interess ta’ kulħadd.
Il-Ministru Cristina kienet qed tieħu sehem f’attività li tirrikonoxxi l-isforz li sar mit-tfal li jattendu din l-iskola, biex jiġbru skart biex ikun riċiklat fi skema mmexxija mill-Green MT. L-iskola hi waħda mill-aktar skejjel li ġabret materjal biex ikun riċiklat flok jitħalla jiġri u jħammeġ l-ambjent.
F’dawn l-aħħar snin l-iskola ta’ St. Francis Birkirkara għamlet żviluppi importanti ħafna kemm għal dak li hu bini, kif ukoll billi investiet f’għodod moderni tat-tagħlim kif ukoll fir-riżorsa umana, bl-ingaġġ ta’ aktar għalliema kwalifikati.
Il-Gvern jgħin ħafna lill-iskejjel tal-Knisja u hu rikonoxxenti għas-servizz li l-Knisja f’Malta tat għal ħafna snin, anke fil-qasam tal-edukazzjoni.
Il-Ministru Cristina ġiet imdawra mill-Kap tal-Iskola Dr. Giovannita Briffa ma’ żviluppi li qed isiru fl-iskola bil-bini ta’ estensjoni li se tkun tinkorpora fiha sala tal-mużika, laboratorji tal-kompjuters u kumpless sportiv żgħir għall-istudenti tagħha. Hawn ukoll il-Gvern għandu skema biex jgħin lill-iskejjel tal-knisja fi żviluppi ta’ din ix-xorta.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li hi ħaġa sabiħa li l-iskejjel tagħna jingħaqdu ma’ NGOs u f’dan il-każ ma’ kumpanniji kummerċjali biex jaħdmu favur l-ambjent. F’dan il-każ partikolari l-inizjattiva hi aktar mifruxa għax barra mill-iskola u l-istudenti, kienu involuti wkoll il-ġenituri.
F’xahrejn li ilha għaddejja din l-inizjattiva minn 400 kilogramma ta’ materjal riċiklabbli miġbur fl-ewwel ġimgħa, issa tela’ għal 10 tunellati ta’ materjal, minn 30 skola. Kieku dan il-materjal ma nġabarx u tħalla jiġri fl-ambjent li ngħixu fih, ara xi ħsara kbira kienet issir lill-ambjent.
Għalhekk il-Ministru ħeġġet lill-istudenti biex ikomplu f’din il-kampanja li fadlilha ftit ġranet biss għax dalwaqt jibdew il-vaganzi. Uriet ukoll it-tama li anke tul il-vaganzi l-istudenti jkomplu jagħmlu ħilithom biex iħarsu l-ambjent għax dan hu tagħna lkoll u kollha kemm aħna għandna d-dover li nibżgħu għalih u nħarsuh.
Is-Sur Vince Farrugia, General Manager tal-Green MT faħħar l-isforz tat-tfal tal-iskola St. Francis ta’ Birkirakara biex jiġbru materjal riċiklabbli u tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017