STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
L-MUT mhix infurmata tajjeb dwar dak li qed jiġri fl-iskejjel
L-MUT m’hix infurmata tajjeb dwar l-iskejjel tal-Istat u dak li qed jiġri fl-interess tal-istudenti tagħna. Il-Gvern qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jibni skola ġdida kull sena. Dan ifisser li wħud mill-iskejjel mhux se jibqgħu jospitaw studenti li se jmorru fi skejjel ġodda jew f’oħrajn tranżitorji.
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ilu jippjana dan iċ-ċaqlieq għal numru ta’ snin biex ikun hemm l-anqas inkonvenjent għall-istudenti u dawk li jaħdmu magħhom.
Mhux veru li studenti mill-iskola Sekondarja tas-Subien tal-Kulleġġ Santa Tereża f’Ta’ Paris se jmorru fl-iskola sekondarja tas-subien tal-istess Kulleġġ f’Santa Venera.
Bħalissa fl-iskola sekondarja ta’ Santa Venera hemm studenti tal-Form 1 u 2. Is-sena d-dieħla dawn se jkunu f’Forms 2 u 3. Fl-iskola se jidħlu studenti ġodda fil-Form 1 ġejjin mill-iskejjel primarji tal-Kulleġġ.
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi diġa’ ħadem mal-periti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex l-istudenti jkollhom il-faċilitajiet kollha meħtieġa. Hemm spazju biżżejjed għall-istudenti kollha li se jkun hemm fl-iskola u se jsir ix-xogħol infrastrutturali li hemm bżonn, inkluż xogħol fuq laboratorju ġdid.
Anqas ma hu veru li t-tfal mhux se jkollhom fejn jieħdu l-break jew li mhux se jieħdu break kuljum. Bħalma jiġri fi skejjel oħra, l-istudenti ma jieħdux il-break kollha f’daqqa fl-istess ħin. It-tfal se jieħdu l-break tagħhom kuljum u l-istudenti tal-iskola sekondarja se jużaw il-bitħa l-kbira kif dejjem sar. Dan ifisser li f’ħin partikolari ma jkunx hemm it-tfal kollha f’daqqa fil-bitħa. Dan hu fl-interess tas-sigurta’ tat-tfal u jagħmel ix-xogħol tas-superviżjoni aktar faċli.
Anqas ma hu veru li t-tfal tal-iskola primarja li hemm tmiss ma’ dik sekondarja f’Santa Venera se jintlaqtu ħażin. Dawn it-tfal għandhom żewġt btieħi fejn jieħdu l-break u bħal fil-każ tas-sekondarja ma jieħdux il-break kollha fl-istess ħin.
Għal ħafna snin, l-għalliema fl-iskola sekondarja tal-Marsa kienu jilmentaw mill-istat ħażin ta’ din l-iskola. L-istess kienu jagħmlu l-ġenituri. Għalhekk it-tfal ta’ din l-iskola mis-sena d-dieħla se jmorru fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ, skola li bl-ammissjoni stess tal-MUT hi fi stat ferm superjuri għal dik tal-Marsa.
F’każi fejn kien sar ċaqlieq simili ta’ studenti, l-MUT wkoll kienet qalet li se jiżdied l-assenteiżmu. Fil-fatt dan ma rriżultax u anqas hu mistenni li b’xi mod jew ieħor, jiżdied l-assenteiżmu fost l-istudenti li sejrin Ħaż Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017