Left arrow Mur Lura

L-ISPEAKER JIKTEB LILL-PRESIDENTI TAL-ISTITUZZJONIJIET EWROPEJ DWAR OPINJONI MOTIVATA TAL-PARLAMENT MALTI FUQ PROVVEDIMENT SUĠĠERIT LI JMUR KONTRA L-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

pr1181
Date Icon 24/05/2012

Tista´ tkun l-ewwel darba li ntlaħaq il-minimu ta’ terz ta’ voti tal-Parlamenti Nazzjonali kif stipulat fit-Trattat

Nhar it-Tlieta, 22 ta’ Mejju 2012 il-Parlament Malti adotta opinjoni motivata dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi – KUMM (2012) 130, Proposta magħrufa wkoll bħala Monti II. Din il-Proposta ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan illi s-suq uniku jitħaddem aħjar, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-intrapriżi, meta ħaddiema jkunu assenjati sabiex jaħdmu fi Stat Membru ieħor b’mod temporanju.

Fil-qosor, l-opinjoni motivata tgħid illi l-Kummissjoni ma wrietx kif ir-Regolament propost jissodisfa l-kriterji tan-neċessità, adegwatezza, adattament u proporzjonalità. Il-Parlament Malti qies li l-Proposta tonqos milli tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tressaq evidenza ċara ta’ neċessità għal azzjoni leġiżlattiva min-naħa tal-Unjoni Ewropea. La tressqet evidenza konvinċenti sabiex issostni tali neċessità, u lanqas ma toħroġ din in-neċessità mill-valutazzjoni tal-impatt preżentat mal-Proposta. Ma hemm l-ebda evidenza ċara ta’ għaliex il-leġiżlazzjoni fuq id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà tal-provvediment ta’ servizzi hija meħtieġa, jew ta’ dak li ser jinkiseb permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni kif proposta, jew tal-bżonn ta’ xi kjarifika permezz ta’ Regolament. Lanqas ma jidher kif il-Proposta twassal għal ‘tnaqqis tat-tensjonijiet bejn is-sistemi nazzjonali ta’ relazzjonijiet industrijali u l-libertà li jipprovdu servizzi’, li hija mniżżla bħala l-għan essenzjali tal-Proposta. Ir-Regolament ma joffrix kjarifika, u jippreżenta effetti altament inċerti.  Huwa possibbli, anzi probabbli, li din il-Proposta tinterferixxi fir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali, u għalhekk thedded li tfixkel serjament u taffettwa negattivament il-funzjonament ta’ sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali ferm stabbiliti fl-Istati Membri.

Permezz ta’ din l-opinjoni motivata, li ġiet adottata skont il-proċedura maqbula fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra fis-7 ta’ Diċembru 2011, l-Ispeaker Michael Frendo għan-nom tal-Parlament  ta’ Malta informa lill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej (Parlament, Kummissjoni, Kunsill) li l-Parlament Malti jħoss li din il-Proposta mhijiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din is-setgħa l-ġdida li jaġixxu ngħatat lill-parlamenti Ewropej bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009.

Artiklu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat ta’ Liżbona jipprovdi illi kull parlament nazzjonali (jew kull Kamra ta’ parlament nazzjonali) jista’, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta’ att leġiżlattiv fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jibagħtu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġiżlattiv jirrappreżentaw mill-inqas terz tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali (żewġ voti kull pajjiż, b’vot kull Kamra f’pajjiżi bikamerali), l-abbozz għandu jiġi rivedut. In-numru minimu ta’ voti rikjest biex jiskatta dan il-provvediment allura huwa terz ta’ 54 vot totali, jiġifieri 18-il vot. Dan il-mekkaniżmu huwa magħruf ukoll bħala ‘kartuna safra’.

Sal-iskadenza tat-tmien ġimgħat ġew sottomessi b’kollox 12-il opinjoni motivata li jirrapeżentaw 19-il vot. Il-Parlament Malti (2) flimkien mal-parlamenti Daniż (2), Fillandiż (2), dak tal-Latvja (2), dak tal-Lussemburgu (2), dak Portugiż (2), dak Żvediż (2), il-Kamra tad-Deputati Belġjana (1), is-Senat Franċiż (1), il-Kamra tad-Deputati Olandiża (1), is-Sejm Pollakk (1) u l-House of Commons Ingliż (1), adottaw opinjoni motivata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat ta’ Liżbona. L-opinjonijiet sottomessi mill-parlamenti jinsabu kollha fuq is-sit tal-IPEX f’dan l-indirizz http://www.ipex.eu/IPEXL-WEB/dossier/document/COM20120130.do.

Dan huwa l-ogħla numru ta’ opinjonijiet mibgħuta mill-parlamenti dwar proposta leġiżlattiva waħda minn mindu beda jitħaddem dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’Diċembru 2009, u, wara li jsiru l-verifiki neċessarji, tista’ tkun  l-ewwel darba li ntlaħaq il-minimu ta’ terz ta’ voti kif stipulat fit-Trattat. L-Ispeaker Michael Frendo bagħat ukoll kopja ta’ din l-Opinjoni Motivata tal-Parlament Malti lill-Ispeakers/Presidenti tal-Parlamenti Nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-pass li jmiss huwa li l-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej jeżamina l-opinjonijiet tal-parlamenti dwar il-Proposta Monti II u fil-laqgħa tiegħu li jmiss il-Kulleġġ jiddeċiedi jekk humiex sodisfatti l-kriterji sabiex tiskatta l-kartuna safra. Jekk jirriżulta dan, il-Kummissjoni tinforma lill-parlamenti nazzjonali u lil-leġiżlatur. Wara li jsir dan, il-Kummissjoni trid tirrevedi l-Proposta tagħha u tiddeċiedi jekk iżżommx, temendax jew tirtirax il-Proposta.

Jekk il-Kummissjoni temenda jew tirtira l-Proposta tagħha, dan ikun xhieda ta’ kif it-Trattat ta’ Liżbona saħħaħ is-setgħa tal-parlamenti nazzjonali li jinfluwenzaw il-proċess leġiżlattiv Ewropew. Anke jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-Proposta oriġinali, id-19-il vot huma sinjal ċar lill-gvernijiet meta dawn jiġu biex jaġixxu fuq il-Proposta fil-Kunsill.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow