Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, L-ONOR. DOLORES CRISTINA, FL-OKKAŻJONI TAT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-CAMPUS IL-ĠDID TAL-MCAST – IL-ĦAMIS, 24 TA’ MEJJU

pr1174
Date Icon 24/05/2012

Onorevoli Prim Ministru,

Chairman u membri tal-Bord tal-Gvernaturi

Sur Prinċipal u Prinċipal Designate

Lekċerers

Studenti,

Illum qed niktbu paġna ġdida fl-iżvilupp mgħaġġel ta’ din l-istituzzjoni edukattiva li fl-għaxar snin li ilha mwaqqfa kellha storja ta’ suċċess u imliet vojt kbir fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali f’pajjiżna.

L-MCAST hu storja ta’ suċċess mhux biss għaliex kompla jżid l-opportunitajiet ta’ tagħlim għal aktar żgħażagħ kull sena li ilu mwaqqaf, imma wkoll għaliex joffri eżempju ċar ta’ dak li aħna nifhmu meta nitkellmu fuq inklużjoni fil-qasam edukattiv. Inklużjoni mhux biss fejn jidħlu studenti bi bżonnijiet speċjali, kif ħafna drabi nifhmu meta nsemmu din il-kelma, imma hu eżempju ħaj ta’ inklużjoni soċjali għax fih jilqa’ studenti minn kull mixja tal-ħajja.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern, b’deċiżjoni konxja, ta’ spinta kbira ‘l quddiem l-edukazzjoni vokazzjonali, fl-istess waqt li komplejna nsaħħu u ninvestu fl-universita’ u fl-edukazzjoni ogħla.

L-Edukazzjoni Vokazzjonali tipprepara n-nies għal impjieg jew karriera f’diversi livelli. Din hi edukazzjoni li tagħmel enfasi akbar fuq l-attivita manwali u prattika marbuta ma sengħa jew vokazzjoni u twassal sal-livell ta’ Higher National Diploma u aktar.  Fil-fatt, fl-aħħar sentejn, l-MCAST kien qed joffri wkoll il-possibilta lill-istudenti tiegħu li jiksbu l-Higher National Diploma biex ikomplu sa degree u diġa’ kellna l-ewwel gradwati minn din l-istituzzjoni.

Aħna nafu li mhux kulħadd għandu l-istess ħiliet u inklinazzjonijiet.  Hawn nies li jibbrillaw fl-akkademja u jfittxu korsijiet fl-Universita’ li jwassluhom għal professjonijiet tradizzjonali. Hawn oħrajn li jippreferu esperjenzi prattiċi – hands on – li mbagħad jaqqduhom mat-teoriji u jiksbu riżultati li jagħtuhom sodisfazzjon kbir.  Dawk li dak li jaraw għajnejhom kapaċi jagħmluh idejhom.  Dawk li huma maqtugħa għal vokazzjoni aktar milli għal professjoni. L-MCAST jaqdi l-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti.

Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija mhux istituzzjoni edukattiva għal dawk l-istudenti li forsi ma jiksbux biżżejjed kwalifiki biex imorru l-Universita’.  Mijiet ta’ żgħażagħ kull sena, ifittxu l-MCAST avolja għandhom biżżejjed kwalifiki biex jidħlu l-Universita.  Imma jagħżlu din l-istituzzjoni edukattiva b’għażla konxja u bi ħsieb.  Anzi issa bdejna naraw ukoll numru ta’ żgħażagħ li wara li jiggradwaw mill-Universita’ jiġu jagħmlu kors fl-MCAST biex jieħdu esperjenza aktar prattika tal-qasam li jridu jispeċjalizzaw fih.

Hu veru wkoll li l-Kulleġġ qed joffri opportunitajiet lil żgħażagħ li għal raġunijiet differenti ma rnexxielhomx jiksbu biżżejjed ħiliet mill-ewwel biex ikomplu javanzaw.  Għal dawn in-nies l-MCAST ħoloq korsijiet apposta biex filwaqt li jgħinhom jiksbu ħiliet bażiċi joffrilhom iċ-ċans li jitħarrġu u jiksbu ħiliet biex iwassluhom ikollhom impjieg u mpjieg tajjeb.  Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li bdew Foundation Course u baqgħu telgħin biex kisbu anke degree.

Dan hu kollu mertu tal-flessibilta li l-MCAST għandu fil-korsijiet tiegħu.  Mertu ta’ metodi ta’ tagħlim differenzjat li toffri din l-istituzzjoni.  Mertu tal-lekċerers u l-amministrazzjoni u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ li jagħtu d-direzzjoni.

Is-sinerġija li teżisti bejn l-MCAST u l-industrja hi ta’ min ikompli jinkoraġġiha.  Biżżejjed wieħed iħares lejn il-Bord tal-Gvernaturi u jsib li hemm komponent qawwi li ġej mill-industrja. Il-Ħidma flimkien bejn l-MCAST hu l-industrja tat u se tkompli tagħti l-frott.  Dan hu meħtieġ biex ikollna ħaddiema preparati biex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda ta’ mpjieg li l-Gvern hu impenjat li jkompli joħloq permezz ta’ investiment lokali u barrani li jirnexxielu jġib lejn pajjiżna.

L-esperjenza qed turina li sa minn eta’ aktar kmieni, it-tfal jibdew juru li huma inklinati lejn it-taħriġ vokazzjonali.  Kien għalhekk li bħalissa qed inmexxu proġett pilota f’sitt skejjel sekondarji tal-Gvern, u 4 skejjel tal-Knisja jew Indipendenti fejn introduċejna erba’ suġġetti vokazzjonali – l-istudji fl-Ospitalita’, Inġinerija, it-Teknoloġija tal-Informatika u s-Saħħa u Ħarsien Soċjali.  Dawn l-istudji se jwasslu lill-istudenti biex jiksbu kwalifika fis-suġġett li qed jistudjaw.  Naturalment mir-riżultati li jinkisbu minn dan il-proġett, l-istudji vokazzjonali mbagħad jinfirxu fil-Kulleġġi kollha biex it-tfal kollha jkollhom l-opportunita’ li jagħżlu dawn is-suġġetti.

Biex dejjem inkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun żgħażagħ ikomplu jistudjaw se nkomplu niżviluppaw f’din il-linja.  Hemm faxxa oħra żgħira ta’ studenti li jista’ jkun li anqas bl-edukazzjoni vokazzjonali ma jintlaħqu.  Dawn huma tfal li jippruvaw iżda ma jirnexxielhomx jiksbu r-riżultati mixtieqa.

Din is-sena numru minn dawn it-tfal, subien u bniet, għamlu ġimgħa fiċ-ċentru tat-taħriġ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-taħriġ fejn ingħataw togħma ta’ seba’ snajja differenti fosthom spraying, pipe-laying u oħrajn li fihom ibbrillaw.  Waqt li qed jitgħallmu dawn is-snajja ikunu qed jitgħallmu wkoll suġġetti biex jiksbu l-kompetenzi bażiċi. 

Bħalissa fl-iskola sekondarja ġdida li qed nibnu għall-bniet fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq identifikajna spazju li fih se nibnu workshops biex fihom ikunu jistgħu jiġu mgħallma dawn is-snajja u eventwalment inkunu nistgħu noffru lit-tfal fis-sekondarja, l-għażla li jieħdu xi sengħa partikolari biex jitħarrġu fiha u jiksbu ċertifikazzjoni.

Dan qed nagħmluh filwaqt li qed infasslu Kurrikulu Nazzjonali ġdid li fih ukoll se nkunu qed nagħtu importanza lis-suġġetti vokazzjonali u l-kisba ta’ ħiliet oħra li jgħinu fl-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.

Ma nistax nagħlaq dan id-diskors qasir qabel ma’ nirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn l-aħħar 10 snin taw is-sehem tagħhom għas-suċċess tal-MCAST.  Lill-predeċessur tiegħi Louis Galea li fi żmienu infetaħ mill-ġdid l-MCAST kif nafuh illum.  Lil dawk kollha li servew fil-Bord ta’ din l-istituzzjoni sa mit-twaqqif tagħha u lill-Prinċipali li mexxewha.  Lid-Diretturi tad-Diversi Istituti, lill-lekċerers u l-ħaddiema kollha.

Ringrazzjament speċjali lill-Prinċipal attwali, il-Prof. Maurice Grech li kompla stinka biex kabbar l-MCAST u li f’Settembru li ġej se jirritorna jgħallem fl-Universita.

Hu pjaċir tiegħi li nilqa’ lill-Principal Designate, is-Sur Stephen Cachia li minn Settembru li ġej se jieħu f’idejħ it-tmexxija ta’ dan il-Kulleġġ f’fażi hekk importanti tal-iżvilupp tiegħu.  Stephen Cachia diġa’ wera ħiliet f’dan il-qasam fejn bħalissa hu fdat bit-tmexxija tal-Kulleġġ Santa Margerita, li ħafna tfal li jattendu fih jiġu jkomplu jistudjaw fl-MCAST.  Nawguralu suċċess fil-ħidma tiegħu, għall-ġid tal-istudenti u tal-pajjiż.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow